300 sena ilu għall-għixien tagħhom il-familji kellhom jaraw x’jagħmlu biex minbarra li jkollhom biżżejjed ikel, ikollhom ukoll il-ħwejjeġ, saqaf fuq rashom, żerriegħa għall-għelieqi, għalf għall-bhejjem u xi għodda biex jaħdmu l-art.
Kellhom ukoll iħallsu l-qbiela lis-sid tal-art li jaħdmu. Kellhom iħallsu d-dieċmi lill-knisja: 10 fil-mija ta’ li jaqilgħu f’sena għall-parroċċa u għall-qassisin.
Kienu wkoll joħorġu flus biex jibnu l-knisja tar-raħal u biex imantnuha u biex isiru ċerimonji reliġjużi, festi u purċissjonijiet.
Kellhom ukoll nefqa fuq iċ-ċerimonji fil-familja tal-magħmudija, żwieġ u funeral.
Ma kienx faċli jlaħħqu ma’ dawn l-ispejjeż kollha bid-dħul mix-xogħol tagħhom tar-raba ċkejken tagħhom.
Kemm il-mara kif ukoll ir-raġel kienu joħorġu jaħdmu jew jaħdmu mid-dar u jaraw kif iżidu d-dħul tagħhom ma’ dak il-ftit ġej mill-għelieqi.
Fl-istorja eċċellenti tiegħu tal-ħajja fil-Qrendi, l-istoriku Frans Ciappara (‘The Social and Religious History of a Maltese Parish’ – 2014) jgħidilna li madwar 300 sena ilu Maruzzo Vella kien jagħmilha wkoll ta’ sagristan u deffien tal-parroċċa biex ikollu biex jgħix.
Nies oħra tar-raħal kienu joħorġu għall-kaċċa wkoll u għas-sajd biex ikollhom x’jieklu u jaqilgħu xi ħaġa minn dak li jaqbdu żejjed.
In-nisa kienu jaħdmu ħafna: fid-dar u fl-għelieqi u kienu jinsġu ħwejjeġ, tvalji u kutri tas-suf tan-nagħaġ.
Xorta kien hemm Qrendin li kienu jgħixu f’miżerja kbira.
Fl-1717, l-armla Maruzza Agius kienet fqira ħafna. Bħalha kien hemm ix-xebba ta’ 23 sena Catarina Darmanin fl-1776.
Fl-1718 Damiano Muscat jgħid li kien fqir ħafna u ma kellu xejn, lanqas dar fir-raħal u kellu jgħixu f’gorboġ li tahulu xi ħadd għax henn għalih.
Fl-1720 Cilia Spiteri li kien ilha ma tisma b’aħbar żewġha 20 sena kienet tgħix f’faqar kbir.
Fl-1760 Salvatore Mifsud mar il-Belt għand il-’Presidente dei Poveri’ jitolbu l-karita’għall-bintu paralizzata f’qiegħ ta’ sodda.
Qrendin oħrajn ma kellhomx biex jindifnu u kienu jiġbrulhom għall-funeral.
Paolo Hasciac li kien midjun mal-knisja u ma setax iħallas, ħadulu d-dar u fit-30 ta’ Mejju 1697 għamluha rkant fil-qorti tal-isqof.
Fl-1756 Lorenzo Schembri li ma setax iħallas id-dejn tiegħu ħadulu l-qoton li kellu biex ibiegħuh.
Il-familji tal-ibliet kienu jbatu iżjed minn dawk tal-irħula għax għallinqas fl-irħula setgħu jkabbru l-ikel tagħhom u jrabbu tiġieġ, fniek, nagħaġ u mogħoż biex ikollhom x’jieklu.
Kienu jbatu ħafna dawk il-familji fejn ir-raġel kien jaħdem u jitħallas bil-ġurnata.
Kienu jħaddmuhom biss meta jkollhom bżonnhom. Kull jum kienu jaraw hux se jkollhom xogħol u jkollhom ifittxu xogħol ieħor jekk ma jsibux. Kien hemm min kien imur jaħdem fuq ix-xwieni tal-Ordni.
L-aktar li kienu jbatu l-familji tagħna kien meta għal xi raġuni jew oħra ma kienx jasal qamħ bla dazju minn Sqallija.
Il-poplu tagħna kien ibati l-ġuħ. Id-disprament kien wassal biex fl-1764 xini Olandiż u ieħor Ingliż mgħobbija bil-qamħ għaddejjin minn ħdejn Malta nħatfu mill-Maltin u ġabuhom Malta biex il-poplu tagħna jkollu x’jiekol.
Fl-istess sena l-poplu beda jirvella fl-ibliet u kien hemm ribelli li ġew eżiljati għax ħarġu jipprotestaw kontra l-miżerja f’dawn il-gżejjer.
Meta l-poplu ma qamx
Fid-9 ta’ Settembru 1775 saret rewwixta kontra t-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn grupp ta’ qassisin u lajċi mmexxijin minn Dun Gejtanu Mannarino.
Huma daħlu f’Sant Iermu, ħadu l-forti taħt il-kontroll tagħhom, niżżlu l-bandiera tal-Ordni u flokha tellgħu dik tal-Kunsill Popolari ta’ Malta u riedu li n-nazzjon Malti jingħata d-drittijiet tiegħu.
Huma għażlu li jqumu dakinhar għax il-flotta tal-Ordni kienet qed tattakka l-belt ta’ Alġier.
Fost il-poplu Malti kien hawn skuntentizza kbira: nuqqas ta’ qamħ, prezzijiet għoljin, taxxi li qed jintefqu fuq il-proġetti militari tal-Ordni u mhux fuq il-bżonnijiet tan-nies u regolamenti ġodda kontra l-kaċċa tal-fenek meta dan kien l-uniku laħam li seta’ jiekol il-poplu.
Il-Kavallieri riedu li l-kaċċa tal-fenek issir biss minnhom.
Il-problemi kien ilhom jinġemgħu
Il-problemi u l-iskuntentizza tal-poplu kien ilhom jinġemgħu s-snin.
Tliet snin qabel Dun Ġużeppi Zahra kien ukoll lest imexxi rewwixta kontra l-Ordni imma ma sabx biżżejjed appoġġ u kellu jwaqqaf kollox.
L-istoriku Frans Ciappara jgħidilna (‘Enlightenment and Reform in Malta 1740-1798) li fl-1773 ir-Re ta’ Napli bagħat lil Michele Montalto biex jagħmel rapport fuq is-sitwazzjoni tal-poplu Malti.
Irrapporta li l-poplu kien qed jgħix fil-miżerja, il-prezzijiet kienu għoljin ħafna, il-kaċċa ġiet projbita u kien hemm rabja li t-taxxi kienu qed jintefqu fuq x’riedu l-Kavallieri u mhux x’kellu bżonn il-poplu.
Montalto qal li l-Ordni kienet qed tħalli lill-poplu Malti jegħreq fil-miżerja biex therrilu kull enerġija biex iqum kontra tagħha.
Imma sadattant Dun Ġwann Battista Borg, il-kappillan tal-isqof li kien mar jgħix Sirakuża minħabba l-kunflitt li kellu mal-Ordni, qal li biż-żieda tal-prezz tal-qamħ b’25%, kien qed jistenna li l-Maltin iqumu kontra l-Ordni.
Dan il-qawmien sar fid-9 ta’ Settembru 1775. Ippjanaw li jmexxuh u jieħdu sehem fih 28 qassis u numru ikbar ta’ lajċi. Imma xħin wasal il-mument li jibdew l-azzjoni tagħhom 18-il qassis biss tfaċċaw. Imma Mannarinu ddeċieda li xorta waħda għandhom jieħdu l-azzjoni li ftehmu.
Il-poplu ma qamx
Grupp attakkaw il-Forti Sant Iermu u rebħuh u grupp ieħor daħal u rebaħ il-Kavallier ta’ San Ġakbu fit-tarf l-ieħor tal-Belt.
Il-Gran Mastru Ximenes bagħat lill-Vigarju Ġenerali jkellem lir-ribelli u jara x’inhuma t-talbiet tagħhom.
Ir-ribelli qalu li lesti jisplodu parti mill-Forti Sant Iermu u l-Gran Mastru ddeċieda li jrażżanhom bil-forza.
Wara ftit siegħat il-Kavallieri ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni u r-ribelli spiċċaw kollha arrestati.
Tlieta minnhom ingħataw is-sentenza tal-mewt, oħrajn ntbagħtu l-ħabs u oħrajn ġew eżiljati minn Malta. Dun Gejtanu Mannarino nħeles mill-ħabs meta Napuljun wasal Malta biex jirbaħha mill-Ordni tal-Kavallieri fl-1798.
Ir-ribelli kienu ttamaw li meta jqumu, isibu appoġġ mill-poplu li jqum ukoll u jeħodha kontra l-Ordni tal-Kavallieri. Imma l-poplu ma qamx.
Torċa 6 Ottubru 2024