Woo Young Woo hija avukatessa straordinarja Sud Korejana. Meta kienet studenta, sħabha tal-klassi kienu jgħadduha biż-żmien u jtuha fastidju. Missierha armel waqaf magħha u ħabbha anki meta kienet tibda twerżaq, u meta ma kinetx tkellmu jew tħares lejh. Kellha memorja tajba ħafna u kienet tixrob l-informazzjoni u tifhimha tant li kienet tiġi l-ewwel fil-klassi.
Ġiet l-ewwel fil-kors tal-liġi imma ma ssibx impjieg għax hi persuna bl-awtiżmu. Meta ssibu, jkun hemm klijenti li ma jriduhiex għax se ttelfilhom il-kawżi bl-istramberiji tagħha. Bla fiduċja fiha nnifisha trid titlaq minn avukatessa.
Imma hija brillanti. Tirraġuna b’mod oriġinali ħafna u toħroġ b’soluzzjonijiet ġodda li trebbaħ kawżi diffiċli ħafna li jtuha biex tiddefendi fil-qorti.
Sħabha jdumu biex jaddattaw ruħhom għall-imġieba li jqisu eċċentrika tagħha, il-mod kif tħares, kif timxi, kif iċċaqlaq idejha.
Tieħu gost titkellem l-aktar fuq il-baleni li taf sal-iċken dettal dwarhom. Timmaġinahom madwarha għall-ħafna ħin.
‘L-Avukatessa straordinarja Woo’ hija sensiela televisiva fuq Netflix li bħala produzzjoni mhux bl-Ingliż l-aktar li rawha nies fis-sena 2022.
Hija produzzjoni Sud Korejana bis-sottotitli bl-Ingliż. It-titlu seta’ jinqaleb għal ‘L-Avukatess stramba Woo’ imma ddeċidew li l-aħjar kelma li toqgħod kienet ‘straordinarja’.
Is-sensiela tipprova turina kif persuni bl-awtiżmu jesperjenzaw id-dinja bil-modi tagħhom. Mhemmx tip wieħed ta’ awtiżmu. Mhemmx mod wieħed biss kif persuni bl-awtiżmu jaraw id-dinja. Kull persuna hija unika u tara d-dinja b’mod uniku.
Is-sensiela titratta b’simpatija u empatija persuni b’awtiżmi u tgħinna naraw id-dinja kif jarawha huma. Kien hemm min ikkritika lis-sensiela għax ma wżatx atturi u attriċi bl-awtiżmu imma fl-istess ħin aċċetta li hi sensittiva ħfna u tgħinna nifhmu aħjar lill-persuni bl-awtiżmi differenti.
Sħab l-avukatessa Woo jsibuha diffiċli jifhmu l-imġieba tagħha, il-mod kif tirraġuna u titkellem. Anki kif timxi u d-diffikulta’ tagħha biex tagħmel dak li naħsbu li hu faċli.
1 minn kull 68
Dawk li pproduċew din is-sensiela tkellmu ma’ ħafna esperti fl-awtiżmi u qraw ħafna dwar il-mod divers kif jaħdem il-moħħ ta’ persuna bl-awtiżmu.
Fl-aħħar 50 sena madwar id-dinja, anki f’pajjiżna kiber l-għarfien dwar l-awtiżmi, iżda żgur li fadal ħafna iżjed xi jsir fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol, fis-soċjeta’ biex il-persuni bl-awtiżmi jiġu meqjusa persuni daqs kull persuna oħra u jiġu apprezzati u inklużi.
Ma nafux eżatt kemm għandna persuni b’xi forma ta’ awtiżmu fostna skond il-’Malta Medical Journal (Nru 3 tas-sena 2020) fl-istudju ‘Autism Spectrum Disorder’ imma huwa stmat li għandna wieħed jew waħda minn kull 68 tifel u tifla.
L-istess studju jgħid li minkejja l-avvanzi kbar li saru fir-riċerki u l-metodi tat-trattament għall-persuni bl-awtiżmi għadna qed nagħmlu ftit wisq biex ngħinu lil dawn il-persuni, mhux b’karita’ iżda bid-dritt li jiżviluppaw kemm jistgħu l-potenzjal sħiħ tagħhom. 61% ta’ ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmi jilmentaw li jdumu x-xhur jistennew biex jingħataw li mbaħad isibuh mhux sodisfaċenti.
Fl-edukazzjoni fadal ħafna xi jsir għax l-inklużjoni hija diffiċli għax hi aktar milli sempliċi tpoġġi lit-tfal flimkien taħt l-istess saqaf u bejn l-istess erba’ ħitan. Hemm bżonn ta’ persuni mħarġa u bidliet fl-ambjent tal-klassi u l-iskola u bidla fil-mentalita’ u fl-imġieba u li jaħdmu flimkien nies mill-edukazzjoni, mis-saħħa u mill-ħarsien soċjali.
Bżonn nedukaw irwieħna
Hemm bżonn nedukaw iżjed irwieħna biex nifhmuhom aħjar għax jekk ma nifhmuhomx u ma jirnexxilniex nikkomunikaw magħhom, l-imġieba tagħhom tista’ ssir ħafna iżjed diffiċli u jiġu mwarba iżjed.
Persuna bl-awtiżmu għandha problemi b’ambjent b’ħafna ħsejjes, b’disinji u kuluri li jikkonfonduha u jista’ jkollha problemi meta xxomm u dduq ċertu ikel.
Ħafna persuni bl-awtiżmi differenti huma kreattivi, tajbin ħafna fil-mużika anki jekk ma jaqrawhiex, jaħsbu b’mod konkret ħafna anki jekk isibu l-ħsieb astratt diffiċli u jagħtu attenzjoni kbira għad-dettalji.
L-umoriżmu, l-ironija u s-sarkażmu jistgħu jikkonfonduhom jew iweġġgħuhom ħafna għax jitħabtu biex jifhmuhom.
Jekk ma nifhmuhomx b’empatija paċenzja u rispett nagħmlulhom ħajjithom ħafna iżjed diffiċli. Is-sensiela ‘L-Avukatessa straordinarja Woo’ tgħinna nidħlu fid-dinja tal-persuni bl-awtiżmi u tgħinna kif għandna ninbidlu biex indaħħluhom fid-dinja tagħna u biex naraw kif ngħixu fid-dinjiet ta’ xulxin.
Torċa 29 Settembru