You are currently viewing F’din id-dinja mqallba

F’din id-dinja mqallba

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Aħna bħala Malta m’għandniex riżervi ta’ dollari jew deheb fl-Istati Uniti.

Il-kummerċ dirett u indirett tagħna mal-Istati Uniti huwa ta’ 0.7% biss tal-ġid nazzjonali tagħna. Nintlaqtu direttament jekk il-President Trump jagħmel tariffi fuq mediċini, semiconductors u enerġija li nesportaw lejhom.

Allura l-aktar li se nintlaqtu minn dak li għaddej fl-Istati Uniti huwa mill-effetti fuqna ta’ kif jintlaqtu pajjiżi oħra, li għandhom iżjed kummerċ mal-Istati Uniti u li aħna għandna negozju magħhom.

L-influwenza tal-Istati Uniti fuq hija l-aktar fuq dawk il-pajjiżi li għandhom riservi ta’ deheb u dollari fil-Federal Reserve Bank ta’ New York. Dak il-bank għandu maħżun id-deheb u d-dollari tal-gvernijiet, banek ċentrali u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Wara t-tieni gwerra dinjija, l-Istati Uniti kienet l-unika pajjiż li ħareġ iżjed b’saħħtu għax ma sofra ebda attakk u qerda fuq artu, ħlief Pearl Harbour.

Għamlet li qablilha

L-Istati Uniti fasslet l-istituzzjonijiet internazzjonali fl-interessi tagħha, stabbiliet id-dollaru bħala l-munita dinjija tal-kummerċ.

Pajjiżi oħra kienu wkoll jissellfu bid-dollaru u jħallsu l-imgħax bid-dollaru.

Dan ippermetta lill-Istati Uniti tissellef b’rati baxxi u tuża’ d-dollaru u l-istituzzjonijiet finanzjarji bħall-Bank Dinji u l-Financial Actions Task Force (FATF) bħala għodda biex iġġiegħel lill-pajjiżi oħra jagħmlu li tgħidilhom.

Imma fl-aħħar snin iżjed pajjiżi bdew jieħdu passi biex ma jibqgħux jiddependu daqshekk mid-dollaru, mill-Federal Reserve Bank u mill-istituzzjonijiet finanzjarji li tikkontrolla l-Istati Uniti.

B’li qed jagħmel Trump, l-Istati Untiti se titlef id-dominanza tagħha aktar malajr.

Aktar pajjiżi bdew imexxu n-negozju tagħhom b’muniti tagħhom u differenti mid-dollaru u bdew jevitaw sistemi bħal SWIFT ikkontrollati mill-gvern Amerikan.

Jinbidlu huma flok iwaħħlu fid-dinja

L-ekonomista Peter Schiff, li kien fost il-ftit li ra ġejja l-kriżi finanzjarja tal-2008 jgħid li l-kriżi ta’ din id-darba hija ferm agħar minn ta’ 17-il sena ilu. Imma jgħid li se tkun kriżi Amerikana mhix kriżi dinjija għax pajjiżi oħra ilhom jitbiegħedu mid-dominanza Amerikana fejn id-dollaru kien iċ-ċentru tas-sistema monetarja dinjija.

Schiff jaqbel mal-President Amerikan Donald Trump dwar il-mard ekonomiku li minnu qed tbati l-Istati Uniti imma ma jaqbel xejn mal-mediċina li qed juża’ Trump.

Schiff jgħid li Trump iwaħħal fil-bqija tad-dinja għall-problemi serji li għandha l-Istati Uniti meta l-problemi ġejjin minn kif tmexxiet l-Istati Uniti f’dawn l-aħħar 50 sena.

Jgħid Schiff: “Aħna bħala Amerikani drajna ngħixu livell għoli ta’ ħajja, nonfqu, nonfqu u nonfqu, nikkunsmaw aktar milli nipproduċu, niddejnu iżjed milli nifilħu u tħallas għalina l-bqija tad-dinja. Irridu nitgħallmu ngħixu skont kemm nifilħu li jfisser li rridu nikkunsmaw inqas u nfaddlu iżjed. Spiċċajna falluti. Għandna defiċit enormi.”

Skont Schiff l-Istati Uniti tirkupra biss jekk tieħu l-passi meħtieġa u terġa tibni ekonomija bis-sens u mhux bużżieqa li xi darba blifors kienet se tinfaqa’. “Irridu nmorru lura għax-xogħol. Irridu nieqfu nonfqu bl-addoċċ. Irridu nibdew infaddlu. Irridu nibnu fabbriki ġodda u naraw mnejn se nġibu l-materjal li jaħdmu. Jekk mhux se nagħmlu sew dawn l-affarijiet se nweġġgħu bil-kbir bla ma nfiqu. Se jkollna nweġġgħu bilfors. Imma aħjar inweġġgħu billi nneħħu d-drawwiet ħżiena tagħna u nibdew nirkupraw.”

Torċa 11 Mejju 2025