You are currently viewing Favur il-paċi jew l-inkwiet?

Favur il-paċi jew l-inkwiet?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:7 mins read

“Fi Frar 2024 Malta u n-NATO ftehmu qafas ġdid ta’ koperazzjoni (jissejjaħ ‘Individually Tailored Partnership Programme – ITTP) bħala l-ewwel pass biex jaħdmu flimkien dejjem aktar.”

“F’Diċembru 2023 Malta ssieħbet fil-Planning and Review Process (PARP). B’dan il-proċess in-NATO jappoġġja lil Malta biex tagħmel il-Forzi Armati tagħha iżjed effettivi biex jaqdu aħjar il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom u biex jieħdu sehem f’operazzjonijiet militari multi-nazzjonali ta’ paċi jekk Malta tkun trid. In-NATO u Malta lesti jaħdmu flimkien favur is-sigurta’, biex jifhmu lil xulxin iżjed u jsegwu sew dak li jiġri fir-reġjun tal-Mediterran.”

Hekk tgħid il-websajt tan-NATO https://www.nato.int/cps/en/natohq/topics_52108.htm 

Dan ix-xahar in-NATO (North Atlantic Treaty Organization, alleanza militari ta’ 32 pajjiż mill-Amerika ta’ Fuq u l-Ewropa) jiċċelebra l-75 sena mit-twelid tiegħu.

Kien twaqqaf fl-4 ta’ April 1949 mill-Istati Uniti u l-Ewropa tal-Punent kontra l-Unjoni Sovjetika biex ma tkomplix tikber fil-kontinent Ewropew.

Fl-14 ta’ Mejju 1955 l-Unjoni Sovjetika u l-Ewropa tal-Lvant iffurmaw il-Patt ta’ Varsavja, alleanza militari kontra n-NATO.

F’Marzu u Lulju tal-1991 il-Patt ta’ Varsavja xoljiet għax l-Unjoni Sovjetika spiċċat.

Setgħet bdiet paġna ġdida ta’ paċi u sigurta’ għall-Ewropa u għad-dinja, kieku xoljiet ukoll l-alleanza militari tan-NATO għax it-theddida Sovjetika li hi kienet twaqqfet għaliha, intemmet.

Setgħet inbniet sistema ta’ koperazzjoni u sigurta’ għall-pajjiżi kollha Ewropej permezz tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Koperazzjoni fl-Ewropa fejn kull pajjiż iħares is-sigurta’ tiegħu bla ma jhedded lill-pajjiżi oħra.

Iżda flok ma l-Istati Uniti qabdet dik it-triq ta’ paċi, rat li r-Russja kienet għarkubbtejha u dgħajfa u flok xoljiet in-NATO, saħħitu kabbritu billi bdiet iddaħħal lill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant li qabel kienu fil-Patt ta’ Varsavja  jew parti mill-Unjoni Sovjetika. Sakemm waslet fuq il-fruntiera tar-Russja.

L-Istati Uniti kient taf li se toħloq problem serji, u diplomatiċi ewlenin Amerikani wissew li n-NATO m’għandux jikber lejn il-fruntieri tar-Russi, imma ġew injorati għax dak iż-żmien raw li r-Russja kienet dgħajfa wisq biex tirreaġixxi.

Rebħu l-bejjiegħa tal-armi

Reġgħu rebħu dawk il-kumpanniji l-kbar li jagħmlu l-biljuni mill-bejgħ tal-armamenti u li jekk ma jkollhomx għadu u gwerer biex ibiegħu l-armamenti jaraw kif joħolqu l-għedewwa u l-gwerer biex il-bejgħ tagħhom ikompli jikber.

Flok paċi u sigurta’ aktar xegħelet il-ħuġġieġa tal-gwerra meta n-NATO fetaħ il-bieb biex anki l-Ukrajina  tidħol membru. 

Meta fl-1962, l-Unjoni Sovjetika kienet se tpoġġi missili f’Kuba qrib l-Istati Uniti, kienet se tinqala gwerra nukleari. Rebħu r-raġuni u l-ispirtu ta’ kompromess u ġiet evitata. Il-missili Sovjetiċi ma tpoġġewx f’Kuba u l-missili Amerikani tneħħew mit-Turkija.

X’tagħmel l-Istati Uniti kieku l-Kanada jew il-Messiku jissieħbu f’xi alleanza Russa jew Ċiniża kontra tagħha?

Malta qed tersaq dejjem iżjed lejn in-NATO fi żmien perikoluż ħafna meta l-Unjoni Ewropea flok tfittex li tagħti sehemha għas-sigurta’ komuni Ewropea mill-Portugall sar-Russja, u jinstab mod kif tintemm il-gwerra fl-Ukrajina, qed titfa iżjed ħatab fuq in-nar u mexxejja Ewropej qed jgħidulna biex nippreparaw għall-gwerra li riesqa.

Aħna m’għandniex bżonnu dan l-inkwiet. Għandna nibqgħu newtrali ufavur il-paċi u ma nħallux, hu min hu, li jużana kontra ħaddieħor, hu min hu.

Biex nidħlu fil-periklu mhemmx għalfejn in-NATO jimlilna l-port b’vapuri tal-gwerra u l-ajruport b’ajruplani tal-gwerra u jibgħat xi suldati hu f’xi bażi militari.

Il-Punent għadu jqisna fl-isfera ta’ nfluwenza tiegħu u jħoss li nobduh biżżejjed. M’għandux għalfejn jagħmel pressjoni fuqna biex nidħlu fin-NATO għax kuntent li naqduh anki jekk ma nkunux formalment fin-NATO.

Biżżejjed nikkoperaw miegħu biex inkunu parti mis-sistema loġistika tan-NATO fil-Mediterran biex nerġgħu npoġġu lilna nfusna fil-periklu li nitqiesu mira leġittima biex niġu attakkati minn min ikun f’konfrontazzjoni man-NATO.

M’għandniex għalfejn dan l-inkwiet. Bil-passi li qed jittieħdu n-newtralita’ tagħna qed issir NINO: Neutrality in Name Only.

Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajina, fil-pajjiżi newtrali Ewropej qamet diskussjoni qawwija jekk għandhomx jibqgħu newtrali. L-Iżvezja u l-Fillandja, anki minħabba li huma ġirien tar-Russja ddeċidew li ma jibqgħux newtrali. Imma pajjiżi bħall-Awstrija, l-Isvizzera u l-Irlanda, anki jekk għandhom tifsira differenti tan-newtralita` għażlu li jibqgħu newtrali. Waqt li nitgħallmu dak li hemm bżonn nitgħallmu minn x’jagħmlu pajjiżi oħra, għandna naħsbu b’moħħna u nagħmlu dak li hu ta’ ġid għall-poplu tagħna u mhux sempliċiment nimitaw xi pajjiż ieħor. Kull pajjiż, jekk hu bil-għaqal jipprova jagħmel dak li hu ta’ ġid għalih fir-realta` partikulari tiegħu.

Bil-bidliet teknoloġiċi kbar li hawn fl-armamenti llum u fil-forzi tal-art, tal-baħar u tal-ajru, Malta m’għadx għandha l-istess importanza strateġika li semma’ Nelson fl-1803. Kien qal lill-Prim Ministru Britanniku Addington: “Issa niddikjara li Malta hija l-aktar bażi navali importanti li għandna fir-rotta lejn l-Indja u li tagħtina influwenza kbira fil-Lvant tal-Mediterran u n-naħat t’isfel kollha ta’ l-Italja. Minħabba dan nittama li ma nċeduha qatt.”

Il-vapuri moderni tal-gwerra saru bażi minnhom infushom biex jattakkaw u pajjiż li jrid jattakka pajjiż ieħor m’għandux bżonn li jattakkah minn bażi bħal Malta iżda minn vapur mgħammar b’missili li jolqtu mill-bogħod. Dan hu ta’ vantaġġ għalina għax naqqas ħafna mill-attenzjoni strateġika li kellha Malta għal-gwerer.

Jekk naħdmu id f’id ma’ alleanza militari nkunu qed nidħlu f’inkwiet bla bżonn għax l-inkwiet tagħha jsir tagħna.

Torċa 14 April 2024 NATO