You are currently viewing Epifanija fl-Imdina
view of ancient town mdina, malta island

Epifanija fl-Imdina

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

27 sena ilu Saadun Suayeh kien l-Imdina, wieħed mill-postijiet fejn iħossu l-aktar ta’ ġewwa f’Malta u hemm kellu dak li James Joyce jsejjaħ epifanija: mument spiritwali profond, “rivelazzjoni f’daqqa waħda fejn xi ħaġa komuni … issir rivelazzjoni u tikxef it-tifsira vera tal-ħajja għal dawk li jaraw il-valur simboliku tagħha.”

Saadun Suayeh wera din il-poeżija ‘Ode to Mdina’ li kiteb bl-Ingliż lil Oliver Friggieri li kellu sorpriża ħelwa li l-Ambaxxatur Libjan għal Malta kien ukoll poeta.

Fid-19 ta’ Mejju 1997 Oliver kiteb ittra lil Saadun fejn qallu li ‘Ode to Mdina’ għoġbitu ħafna “tant … li ddeċidejt li naqlibha għall-Malti.” Stqarr li “Ma jien kuntent xejn nuża l-kelma ‘waitress’ li għaliha m’għandna l-ebda kelma bil-Malti …” Imma minbarra dik il-kelma żammejt il-karattru Semitiku kemm jista’ jkun. Nemmen li hekk għandha tibqa’ tinkiteb il-poeżija bil-Malti. … Il-poeżija kif tgħid inti (tant tajjeb) fl-għanja tiegħek lill-Imdina – hija tfittxija tagħna nfusna, forsi att ta’ ndiema, wara kollox hija bażikament att tal-fidi f’Alla li jgħaqqadna flimkien f’dinja mimlija misteri.”

Bl-istess mod, f’ittra lil ħuh Stanislaus, Joyce kien kiteb li meta jikteb l-epifaniji kien qed jipprova jagħti lill-qarrejja tiegħu “tip ta’ pjaċir intellettwali jew hena spiritwali billi jibdel il-ħobżna ta’ kuljum f’xi ħaġa li tieħu l-ħajja artistika tagħha għal dejjem.”

Fir-rumanz tiegħu ‘A Portrait of the Artist as a Young Man’ Joyce jiddeskrivi epifanija bħal dik li kellu Saadun Suayeh l-Imdina bħala “il-bidla tal-ħobżna tat-tiġrib ta’ kuljum fil-ġisem imdawwal tal-ħajja eterna.”

Fl-epifanija tiegħu Saadun Suayeh iġib flimkien l-Imdina Musulmana mal-Imdina Nisranija, il-mweżżin mitluf ta’ 800 sena ilu mad-daqq tal-qniepen tal-Kattidral illum, jgħaqqad b’mod mistiku flimkien lill-kattidral, il-moskea, il-Malti u l-Għarbi fil-ferħ tat-talb lil Allaħ f’belt li għad għandha l-isem li tawha l-Għarab sekli ilu.

Mhux għal Saadun Suayeh ‘The Clash of Civilizations’, il-gwerra taċ-ċiviltajiet kif mistennija minn Samuel P. Huntington li se jkunu l-identitajiet kulturali u reliġjużi tal-popli li jikkaġunaw il-gwerer tal-futur wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u t-tmiem tal-Gwerra Bierda bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.

Bil-maqlub, id-diplomatiku u poeta Saadun Suayeh jaf li waħda mill-ikbar sfidi li qed niffaċċjaw fid-dinja llum u li fuqha jiddependi jekk hux se nsalvaw u jkollna futur bħala umanita’ hi li nitgħallmu ngħixu flimkien.

Kif il-poeta Lebaniż Khalil Gibran jgħid: “Inti ħija, u jien inħobbok. Inħobbok meta timtedd fil-moskea, meta tinżel għarkubbtejk fil-knisja u meta titlob fis-sinagoga. Jien u int l-ulied tal-istess fidi – l-Ispirtu.”

Lill-Imdina

L-istorja waqfet għal kollox

jien u nħares lejk

minsuba bħal sultana fuq il-għolja.

Mill-bieb tiegħek għaddejt

Imbiddel fiż-żmien

Imbiddel fl-ispazju

Imbiddel fi ħsusi 

Ħassejtni.

Kien hemm is-sikta

iżda bosta ilħna smajt

uħud fl-islien Qadim tiegħi

l-Għarbi ta’ żmien ilu

uħud f’ilsna oħra

ta’ nies li qatt ma rajt.

U xorta rwieħhom li telqu

jinħassu mdendlin kullimkien

ħassejthom kollha

waqt li tħadtu lsien wieħed

l-ilsien tar-ruħ.

Fis-sikta daqqu l-qniepen

tal-Kattidral sbejjaħ

u nifdu dik it-telqa

u dwew mal-ħitan

iżda fihom biss smajt

is-sejħa għat-talb

minn leħen imweżżin imbiegħed.

Ferħ kbir ħassejt bil-ħlewwa f’qalbi

il-ferħ tat-talb lil Allaħ,

         għaliex hu kien hemm

fil-Knisja … fil-moskea

           u kullimkien.

Irqiqa, bnina kienet l-arja

waqt ta’ serħan

ta’ l-għaġeb u rari

iżda s-sikta kelliema hemm kienet dejjem.

Qasira kienet id-distanza

il-vjaġġ kien twil

jien kollni għeja

waqt li lmaħt kafe’ sabiħ

intasabt f’rokna ċkejkna

intiegħem il-‘croissant’ tiegħi

nixrob qajl qajl it-te’

inħares lejn il-‘waitress’ titbissem ħelwa.

Ah! Is-sikta baqgħet tħaxwex f’widinti.

Bosta ilsna ssoktajt nisma’

           li stajt nifhimhom

           li ma stajtx nifhimhom

tajthom ilkoll widen minn qalbi

għaliex f’dik il-ħajja ta’ l-Imdina

kont fiqt minn kull biżgħa.

(Saadun Suayeh – miġjuba għall-Malti minn Oliver Friggieri)

Torċa 28 April 2024