Qed jagħmel tajjeb il-gvern li jibqa’ jinsisti li għandu jkun hu u mhux xi istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi lil min nistgħu nagħtu ċittadinanza Maltija. Mill-iskema li kellna pajjiżna daħħal aktar minn €1.6 biljun f’10 snin.
Il-gvern illum ħabbar l-iskema l-ġdida li fassal mas-settur privat u li biha jista’ jagħti passaport Malti lil dawk il-persuni li ġejjin minn pajjiż ieħor u jkun jixraqilhom jingħataw passport Malti għas-sehem li jagħtu lill-pajjiżna:
– b’għotja ta’ flus lill-qasam soċjali
– b’innovazzjoni teknoloġika ta’ benefiċċju għal Malta
– ħolqien tax-xogħol u ħidma ekonomika ġdida
– sehem siewi lil Malta fl-oqsma tal-arti, sports, mediċina, xjenza u imprenditorija.
Bl-iskema l-ġdida ma jistax jibqa’ jinxtara passaport Malti b’sempliċi għotja ta’ flus imma jrid ikun hemm prova ta’ rabta ġenwina ma’ Malta. Qed jitneħħa wkoll is-sehem tal-aġenti.
Il-gvern se jkollu iżjed poter dwar min jingħata passaport Malti wara li jkun hemm rakkomandazzjoni minn bord apposta. Il-bord jista’ wkoll jintervista lill-persuni kkunsidrati li jistgħu jingħataw passaport Malti.
Bini mis-saqaf ‘l isfel, jaqa’
F’artiklu li ktibt għar-rivista Svizzera ‘Weltwoche’ (24/25/26/27 2025) għedt li l-Kummissjoni Ewropea qed tkompli tipprova tieħu iżjed poteri għaliha li huma tal-gvern nazzzjonali. Jekk se tkompli tagħmel hekk se tagħmel lill-pajjiż bħal tagħna kolonja mmexxija minn Brussel.
Ktibt li waqt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2025 qalet li l-iskema tmur kontra l-liġijiet Ewropej, ikkwotajt lil Carl Baudenbacher li serva bħala President tal-Qorti tal-EFTA li l-qorti Ewropea qed tieħu għaliha poteri li huma tal-pajjiżi nazzjonali. Qal li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel kampanja politika fanatika kontra r-Russja u ċ-Ċina b’dawn l-iskemi.
Ktibt li l-Unjoni Ewropea qed tissogra wkoll li tkun dar mibnija mis-saqaf ta’ Brussel flok mill-art ‘il fuq tal-pajjiżi membri. Djar mibnija mis-saqaf ‘l isfel aktarx li jaqgħu u jweġġgħu ħafna lil dawk li jgħixu fihom.
L-UE tweġġa’ lilha nnifisha
Il-gvern Malti għamel sew li oppona s-sanzjonijiet ġodda li trid tagħmel il-Kummissjoni Ewropea kontra dawk il-vapuri li jġorru żejt Russu bi prezz li ma jkunx mill-inqas 15% inqas mill-prezz tas-suq. Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandha vapuri rreġistrati taħt il-bandiera tagħha.
Din is-sanzjoni l-ġdida qed isservi biex sidien ta’ vapuri jitilqu minn bandiera fl-Unjoni Ewropea u jmorru taħt bandiera mhux fl-Unjoni Ewropea biex ma jkollhomx jobdu s-sanzjonijiet Ewropej.
Is-sanzjoni l-ġdida torbot biss lis-27 pajjiż membri tal-Unjoni Ewropea meta fid-dinja hawn mill-inqas 40 pajjiż li jirreġistraw vapuri taħt il-bnadar tagħhom. Wara s-sanzjonijiet tal-2022 vapuri li qabel kienu rreġistrati ma’ bandiera ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea bdew jitilqu u jirreġistraw taħt bnadar oħrajn.
Tweġġa’ lilha nnifisha
Anki mill-bidu ta’ din is-sena ħafna vapuri, aktar minn qatt qabel, telqu minn bandiera fl-Unjoni Ewropea u marru taħt bnadar oħrajn.
Din is-sanzjoni l-ġdida mhux biss iċċekken u ddgħajjef il-flotta ta’ vapuri rreġistrati mal-bandiera Maltija (10,000 – l-akbar fl-Ewropea u s-sitt waħda fid-dinja) imma wkoll iddgħajjef lill-Unjoni Ewropea nnifisha meta tieħu passi dwar is-sigurtà u l-ħarsien ambjentali dwar il-vapuri.
Anqas ma jkollha vapuri rreġistrati taħt bnadar ta’ pajjiżi membri, inqas jiġu nfurzati regoli u liġijiet tagħha. Flok tweġġa’ lir-Russja, l-Unjoni Ewropea qed tweġġa’ lill-membri tagħha u lilha nnifisha.
In-negozju maħmuġ tal-gwerra
“Il-gwerra hija biċċa negozju maħmuġ ħafna li minnha jgawdu l-ftit, għas-spejjeż tal-ħafna. Ftit nies jagħmlu miljuni kbar mill-gwerra.
“Fl-ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918) ftit persuni għamlu qligħ kbir.
“Mill-inqas 21,000 saru miljunarji u biljunarji fl-Istati Uniti. Dawk l-eluf stqarrew il-ġid li għamlu mit-tixrid tad-demm meta mlew il-formola tat-taxxa. Kemm oħra qarrqu fil-ħlas tat-taxxa, ma nafux.
“Minn dawn li saru miljunarji u biljunarji kemm minnhom qatt messew arma tan-nar? Kemm minnhom ħaffru xi trunċiera u qagħdu fiha biex jiġġieldu u jbatu l-ġuħ qalb il-ġrieden? Kemm minnhom għamlu ljieli ma jorqdux, jaraw kif jistkennu mill-bombi, mill-biċċiet tal-metall imtertaq mill-isplussiv u mill-balal tal-machine guns? Kemm minnhom ippruvaw jiskansaw li l-għadu ma jniffidhomx b’bajunetta? Kemm minnhom spiċċaw feruti jew maqtula f’xi battalja?”
Kiteb dan 90 sena ilu il-Ġeneral Amerikanl Smedley D. Butler (1881-1940) fil-ktieb tiegħu ‘War is a racket’. Huwa qatta’ ħajtu fil-militar. Ingħata 16-il midalja u unuri għall-erojiżmu tiegħu waqt gwerer differenti li ħa sehem fihom.
Miet żgħir ta’ 59 sena ftit qabel ma l-Istati Uniti daħlet fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Illum kliemu jgħodd iżjed u iżjed. L-industrija tal-armamenti tixtri nies fil-politika, fil-militar, fil-midja u fost “l-esperti” biex jitkellmu favur il-gwerra u jintefqu iżjed flus fl-armamenti flok fl-isptarijiet, fl-iskejjel, fl-ambjent, fix-xogħol u fis-servizzi soċjali.
Torċa 3 Awwissu 2025