You are currently viewing Bżonn ħaddiema minn pajjiżi oħra

Bżonn ħaddiema minn pajjiżi oħra

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

1,119 familja jgħixu fil-gżejjer tagħna.

Dak li nafu s’issa kemm kellna nies jgħixu hawn skont rapport li sar minn ċertu Abate Gilberto fis-sena 1240.

Aktar preċiż huwa ċ-ċensiment li sar fl-1632 li jgħidilna li l-popolazzjoni tagħna kienet tlaħħaq 51,750.

Fiċ-ċensiment li għamlu l-Ingliżi (1807) fl-ewwel snin tal-hakma tagħhom ta’ dawn il-gżejjer juri li konna 93,054 ngħixu hawn.

Iċ-ċensimenti bdew isiru regulari mis-sena 1842 meta konna 114,499. Din is-sena bdejnieha b’popolazzjoni ta’ 536,740.

Wara l-aħħar gwerra lħaqna 316,000. Il-gvern Ingliż kien jgħid li l-pajjiż ma jiflaħx għal daqshekk nies u li kien jiflaħ biss 250,000 ruħ. Għalhekk kien hemm bżonn li l-Maltin u l-Għawdxin jinfirdu mill-familji tagħhom, iħallu l-art fejn twieldu u trabbew u jemigraw lejn pajjiżi oħra ‘l bogħod.

Fis-snin 50 u 60 emigraw 140,440 persuna, nofs il-popolazzjoni ta’ dak iż-żmien. Il-Maltin u l-Għawdxin kienu jiġu mgħejjuna jsiefru bl-irħis biex ifittxu x-xogħol l-iżjed fl-Awstralja, ir-Renju Unit, il-Kanada u l-Istati Uniti.

Hawnhekk ma setgħux isibu x-xogħol għax pajjiżna kien użat għal kollox bħala bażi militari u l-aħjar artijiet, il-portijiet u l-ajruport kienu meħuda għall-bżonnijiet militari tar-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-alleanza militari tan-NATO.

Lanqas kieku stajna, u ma stajniex għax konna kolonja f’idejn l-Ingliżi jagħmlu li jridu bina, lanqas kellna fejn niżviluppaw l-industrija, it-turiżmu u l-kummerċ.

Messna ppjanajna 30 sena ilu

Fis-snin 50 kienu jitwieldu 38 tarbija kull 1,000 ruħ. Illum jitwieldu 9 kull 1,000 ruħ.

Għandna fost l-inqas twelid fid-dinja, tarbija kull mara.

Sadattant il-popolazzjoni żdiedet b’iżjed minn 115,000 ruħ bejn 2012 u din is-sena. Il-popolazzjoni Maltija żdiedet b’1.7% biss waqt li dik ġejja minn pajjiżi oħra żdiedet minn 6% fis-sena 2012 għal 25% għaxar snin wara.

Il-Maltin li jifilħu jaħdmu qed jaħdmu kważi kollha: 203,000.

Ħaddiema minn pajjiżi oħra għandna 107,000. Ħafna minnhom ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom għax m’hawnx Maltin biżżejjed biex jagħmlu x-xogħolijiet li qed jagħmlu.

L-isfida hi kif se nagħmlu biex ikollna fil-pajjiż biżżejjed nies li għandna bżonn għall-ħolqien tal-ġid għas-servizzi soċjali u s-servizzi tas-saħħa u edukattivi waqt li l-pajjiż ikollu l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi li jaqdu lill-popolazzjoni daqshekk kbira. Fl-istess ħin irridu nagħmlu li nistgħu biex il-pajjiż ikollu spazji miftuħa fejn nieħdu ftit tan-nifs. Imma flok jiżdiedu, dawn qed jindifnu b’iżjed bini. Aħna fost l-iżjed għaxar pajjiżi fid-dinja fejn in-nies jgħixu fuq xulxin.

Nies li jifhmu jgħidu li s-sinjali kien ilhom jidhru mis-snin 90 li qed jonqsu t-trabi u n-numru ta’ Maltin fl-eta’ tax-xogħol u jiżdiedu dawk aktar minn 65 sena, imma ma ppjanajniex u ħsibna minn qabel.

Raġel li jifhem ħafna f’dan il-qasam qalli b’sogħba: “L-ippjanar qatt ma kien il-forte tagħna l-Maltin, hux hekk?”

Stajt ma naqbilx miegħu? Aħjar nippjanaw issa u nagħmlu dak li hemm bżonn, għax aħjar tard milli qatt. Inkella se nkorru sew.

Qed nilgħabu man-nar

Nikkwota siltiet minn żewġ kummenti li smajt dan l-aħħar:

1. “Li jkollok nies mhux Maltin jaħdmu Malta hi xi ħaġa tajba.

“Li hu ħażin hu li biex 4 ‘fat cats’ jimlew bwiethom biss Malta ntliet b’bini gallinari tat-tiġieġ u l-ambjent sar qisu ‘take away’.

“Ma hemmx pjan, l-aqwa li nkomplu nistagħnew… Il-poplu Malti qatt ma kien preparat għal din l-isplużjoni fil-popolazzjoni.”

2. “Għaxar snin ilu kellna kwalita’ ta’ ħajja aħjar…kwistjoni ta’ popolazzjoni u bini … tgħidlix nagħmel Malta dar komda meta anki bil-Maltin biss kont inħossha ssikkata … aħseb u ara Issa! … sbieħ il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti mela….imma qed tinsa’ ċ-ċokon fiżiku u reali ta’ din il gżira….

“Jien bini, traffiku, drenaġġ u qtugħ ta’ nifs nara … għal kwiet ma nistgħu mmorru mkien jekk ma nsiefrux…”

Peress li għandna fost l-iżjed rati baxxi ta’ twelid fid-dinja ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma jiġu jaħdmu fostna nies minn pajjiżi oħra. Iżda għandhom jibqgħu ġejjin u ġejjin?

Minn popolazzjoni ta’ 421,000 fl-2010, issa tlajna għal iżjed minn 536,740.

Maltin jaħdmu għandna 203,000. Ħaddiema minn pajjiżi oħra għandna 107,000, terz minnhom mill-Unjoni Ewropea, żewġ terzi mill-bqija tad-dinja.

Waqt li kibret il-popolazzjoni, żgur li bħala gvernijiet bejn 2013 u 2020 inqasna li nkabbru s-servizzi pubbliċi bħall-isptarijiet biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda tan-nies.

Qed nilgħabu man-nar jekk pajjiżna nkomplu ngħabbuh bin-nies iżjed milli jiflaħ u nkomplu nonqsu li nkabbru s-servizzi pubbliċi biex jaqdu l-popolazzjoni li għandna: ikun pajjiż mhux ta’ min jgħix fih la għalina li twelidna hawn u lanqas għal dawk li ġibna minn barra biex jagħmlu x-xogħol għax m’għandniex biżżejjed Maltin jew li ma nafux nagħmlu jew li ma rridux nagħmlu.

Torċa 18 Frar 2024