L-Unjoni Ewropea tistħarreġ regolarment il-qagħda tas-suq tax-xogħol f’kull pajjiż membru: ir-rata tal-qgħad, ir-rata tal-ħolqien ta’ impjiegi u x’nuqqas ta’ ħaddiema għandu kull pajjiż fl-oqsma differenti tal-ekonomija.
Bħalissa fl-Unjoni Ewropea kemm aktar minn 4,000,000 impjieg li mhemmx ħaddiema biex jieħduhom. Hemm raġunijiet differenti l-għala ma jsibux biżżejjed ħaddiema: l-ewwel u qabel kollox għax fl-Unjoni Ewropea r-rata tat-twelid ilha baxxa ħafna u l-popolazzjoni tajba għax-xogħol qed tonqos u qed jiżdiedu lk-anzjani li ma jaħdmux. Raġuni oħra hi li s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ ma ġġeddux malajr biex minnhom joħorġu n-nies bil-ħiliet meħtieġa għax-xogħolijiet tal-lum mibdula ħafna bit-teknoloġija.
F’Malta stess stħariġ tal-Unjoni Ewropea tas-sena li għaddiet juri li għandna bżonn ta’ iżjed minn 8,000 ħaddiem minn pajjiżi oħra għax m’għandniex biex nimlewhom bil-Maltin stess. Ir-raġuni ewlenija hija wkoll li għandna l-aktar rata baxxa ta’ twelid fl-Ewropa u għalhekk jekk kull sena noġolqu 11,000 impjieg nimlew biss 4,000 minnhom bil-Maltin għax daqshekk jidħlu kull sena fid-dinja tax-xogħol għax daqshekk ikunu twieldu 20 sena qabel.
Għandna wkoll impjiegi li l-Maltin ma jridux jagħmluhom iżjed kif ukoll hemm impjiegi li l-Maltin ma jafux jagħmluhom.
Hija sfida għall-pajjiżna kif ukoll għall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea li mhux qed ikollhom u se jkollhom inqas fis-snin li ġejjin nies biżżejjed biex iħaddmu l-ekonomija tagħhom u biex jipprovdu servizzi fil-komunita’.
F’Malta għandna nuqqas ta’ ħaddiema għal 20 tip differenti ta, mpjieg: messaġġiera, nies li jġorru l-bagalji fl-ajruport, nies li jġorru pakketti fuq postijiet tax-xogħol u ġod-djar; nies li jaħdmu fil-fabbriki u fil-kostruzzjoni, nies li naddfu l-uffiċini u l-lukandi u stabbilimenti; sewwieqa tat-taxis, vannijiet u trakkijiet, għassiesa tas-sigurta’, assistenti tas-saħħa fl-isptarijiet, persuni li jieħdu ħsieb it-tfal u l-anzjani, assistenti fil-ħwienet u supermarkets, ħaddiema fil-kċina tar-ristoranti u jservu l-ikel u fil-barijiet, nies fl-igaming, fl-uffiċini varjeta’ sħiħa ta’ xogħolijiet differenti fl-uffiċini u fil-kumpanniji f’livelli differenti anki ta’ tmexxija.
Inħossuna barranin f’artna
Sadattant l-akbar inkwiet daż-żmien għall-Maltin huwa n-numru kbir ta’ barranin li għandna fostna u li flimkien niffullaw dawn il-blatiet ċkejknin tagħna. Qed inħossuna li mtlejna wisq barranin. Spiss irridu nitkellmu bl-Ingliż fejn inmorru. Mhux qed ninqdew tajjeb daqs qabel għax per eżempju jekk inmorru l-Mater Dei, insibu ħafna ħaddiema barranin jew qrabathom iridu jinqdew ukoll.
Tort tal-ħaddiema barranin li qed inħossuna barranin f’artna fi gżira mimlija bini, traffiku u rassa?
Ilna b’rata baxxa ta’ twelid u m’għandniex biżżejjed Maltin għax-xogħol meħtieġ fostna. Issa qed jingħad li rridu investiment li jħaddem ftit nies u jħalli ħafna qligħ. Tajjeb li nagħmlu hekk għalkemm biex jirnexxielna rridu nkunu pajjiż b’ħiliet ferm ogħla milli għandna jekk dawn ix-xogħolijiet b’ħiliet avvanzati rridu li jkunu kapaċi jaagħmluhom il-Maltin.
Anki jekk jirnexxielna nibnu l-ekonomija tagħna fuq xogħol b’teknoloġija avvanzata bi bżonn ta’ inqas nies, hemm oqsma tax-xogħol li bilfors trid ħafna nies għalihom.
Min se jieħu ħsieb l-anzjani tagħna dejjem jiżdiedu? Min se jaħdem fil-kostruzzjoni? Min se jaħdem fil-lukandi u r-ristoranti? Min se jsuq il-karozzi? Min se jnaddaf? Kif se jkollna biżżejjed ħaddiema fl-isptar?
Irridu jew ma rridux bilfors għandna bżonn il-ħaddiema barranin.
Inkella l-ekonomija tmur lura minħabba nuqqas ta’ ħaddiema. Lesti naċċettaw tnaqqis fil-livell tal-għixien?
Mhemmx għalfejn tkun nejja jew maħruqa: mimljin barranin iżjed milli għandna bżonn jew li ma nġibux barranin. Il-bilanċ tajjeb f’kollox.
Aħjar naraw kemm jiflaħ nies pajjiżna u ntejbu s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura biex ilkoll kemm aħna ninqdew tajjeb: kemm aħna li tweldina hawn kif ukoll dawk li jiġu jaħdmu fostna għax għandna bżonnhom.
Aħjar naraw kif insaħħu t-tagħlim tal-Malti, kemm għat-tfal tagħna li twieldu ħawn u dawk li ġew mal-ġenituri tagħhom.
Aħjar naraw kif nitgħallmu ngħixu flimkien ma’ dawk li ġew jaħdmu hawn. Mhumiex ħaddiema biss. Huma persuni tad-demm u l-laħam bħalna, anki jekk ta’ kultura, razza differenti.
Patrijottijottiżmu bla mibegħda
Nistgħu nkunu patrijotti u nħobbu lill-pajjiżna bla nobogħdu popli u pajjiżi oħra.
L-istorja tagħna turina li meta hawn kellna l-qgħad u l-għaks, il-Maltin kienu jemigraw lejn pajjiżi oħra jfittxu x-xogħol. Meta kellna x-xogħol u l-ħolqien tal-ġid, il-Maltin kienu jibqgħu hawn u kien ikollna nġibu l-ħaddiema minn barra.
Meta fl-1588 il-Ġermaniż Michael Heberer von Bretten żar Malta, fis-sitt xhur li għex hawn, sab kif f’madwar 50 sena l-Kavallieri kienu biddlu ħafna lil Malta, l-aktar wara l-1571 bil-bini tal-Belt Valletta u l-iżvilupp tal-Port il-Kbir.
Biex jibnu l-Belt u jiżviluppaw il-fortifikazzjonijiet il-Kavallieri ġabu ħafna barranin jaħdmu Malta bi snajja li ma kellhomx il-Maltin.
L-inħawi ta’ madwar il-Port il-Kbir saru fost l-aktar postijiet interessanti fl-Ewropa fejn kienu jiltaqgħu nies ġejjin minn kull naħa tal-Mediterran b’ħafna ilsna, reliġjonijiet u kulturi differenti.
Fil-Birgu kien għadhom permessi tliet parroċċi ta’ Griegi Ortodossi għal nies li ġew mal-Ordni minn Rodi.
Fil-port kienu jiddaħħlu x-xwieni maqbuda fil-piraterija li kienet waħda mill-pilastri tal-ekonomija Maltija bil-bejgħa tal-ilsiera Misilmin li kienu jinqabdu u jiġu mibjugħa minn hawn.
Heberer von Bretten sab li Malta kellha erbat ibliet: Valletta, Birgu, Isla u l-Imdina u 60 raħal.
Il-kavallieri ġabu wkoll ħaddiema biex jibnulhom u jieħdu ħsieb il-palazzi privati li bdew jibnu fil-gżejjer tagħna.
Fl-1524, sitt snin qabel waslu l-Kavallieri, Malta kellha popolazzjoni ta’ 20,000 u Għawdex ta’ 5,000 ruħ.
Sa 50 sena wara, il-popolazzjoni kienet diġa’ telgħet għal 29,000.
Meta ġie Heberer von Bretten kien hawn 900 barrani jaħdmu Malta barra l-kavallieri.
Sa sentejn wara li telaq minn Malta, il-popolazzjoni kienet niżlet bi kważi 10,000 għal 18,950 għax 35 fil-mija kienu mietu bil-pesta u bil-ġuħ.
Imma sas-sena 1617 il-popolazzjoni kienet irduppjat għal 43,000 għax Malta kienet reġgħet ħadet ir-ruħ u kellha ħafna xogħol u kummerċ.
Fl-1633 f’Malta u Għawdex kellna jgħixu hawn 59,923 li kienu twieldu hawn. Magħhom kien hawn 621 Kavallieri tal-Ordni u 4,430 ħaddiema minn pajjiżi oħra: suldati, baħrin, artiġjani u lsiera.
Leħen Diċembru 2024