You are currently viewing Bejn il-flus u l-voti

Bejn il-flus u l-voti

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:4 mins read

Bejn is-16 u l-20 ta’ Awwissu 1849 saru għall-ewwel darba l-elezzjonijiet f’Malta għall-Kunsill tal-Gvern. Il-Gvern Brittaniku ried jiżgura li dan il-kunsill ma jmexxix b’mod li jħares il-ġid tal-poplu Malti anki meta dan ifisser li jmur kontra l-interessi tal-użu militari u navali ta’ Malta mill-Imperu.

Il-Gvern Brittaniku ddeċieda li dan il-kunsill ikun magħmul minn 18-il membru: il-gvernatur Brittaniku, disa’ membri oħra maħturin minnu tmienja eletti mill-Maltin u l-Għawdxin. Hekk żgura li jkollu dejjem maġġoranza.

Il-Gvern Brittaniku ddeċieda wkoll li setgħu jivvotaw biss l-irġiel li jkunu għalqu 21 sena, li jkunu jafu bit-Taljan jew bl-Ingliż, li jkunu nies tal-propjetà li jdaħħlu 100 skud fis-sena mill-kirjiet jew li huma nies tal-flus u kapaċi jħallsu kera ta’ 50 skud fis-sena.

Għal dawk b’saħħithom

Dan kien ifisser li setgħu jivvotaw biss madwar 4% tal-poplu tagħna: 3,486 minn 64,393 f’Malta u 281 minn 8,645 f’Għawdex. Setgħu jivvotaw biss propjetarji tal-art, qassisin. Avukati, neguzjanti, tobba u nutara.

96% tal-poplu Malti ma setgħux jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet politiċi fit-tmexxija ta’ pajjiżhom. Il-partiti politiċi kien għadhom ma jeżistux. Il-kandidati kienu joħorġu ndividwalment u kienu jirrapreżentaw l-interessi tal-aktar nies b’saħħithom u komdi f’pajjiżna.

Dik kienet demokrazija ristretta ħafna u baqgħet hekk għal kważi 100 sena sal-1947 meta nfirex il-vot għan-nisa u l-irġiel kollha ‘l fuq minn 21 sena bil-ħidma qawwija tal-Partit Laburista u l-General Workers’ Union.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn id-demokrazija f’pajjiżna kompliet tinfirex u tissaħħaħ billi llum hu żgurat li l-partit li jġib il-maġġoranza tal-voti jġib ukoll il-maġġoranza tas-siġġijiet. Id-dritt għall-vot kien tniżżel l-ewwel għad dawk ta’ 18 u mbagħad għal dawk ta’ 16.

Fejn id-demokrazija tagħna għandha bżonn tkumpli tissaħħaħ hu kif jiġu ffinanzjati l-partiti. Minn żmien għall-ieħor, il-partiti ewlenin jagħmlu maratoni biex jiġbru l-flus.

Mhemmx dubju li fost dawk li jagħtu donazzjonijiet hemm partitarji li jagħtu l-ftit li jistgħu biex jappoġġaw lill-partit tagħhom bil-flus minbarra bil-vot. Imma mhemmx dubju wkoll li għandna min jagħti donazzjonijiet liż-żewġ partiti ewlenin anki jekk ma jivvotax għat-tnejn li huma. Jinvesti fihom biex jinfluwenza x’deċiżjonijiet jieħdu.

F’ħafna demokraziji bħal tagħna madwar id-dinja fejn il-partiti huma finanzjati privatament, il-partiti politiċi jinqabdu f’ ‘tug of war’ bejn id-donaturi u l-votanti u spiss id-donaturi joħorġu rebbiħin għax huma b’saħħithom iżjed.

Id-demokrazija tiddgħajjef u timrad fejn issir biss votazzjoni kull tant snin fejn il-votanti ġenerali jingħataw importanza kbira fil-kampanja elettorali iżda bejn elezzjoni u oħra jingħataw importanza kbira d-donaturi.

Mhux ta’ b’xejn li madwar id-dinja qed tkompli tikber l-isfiduċja fid-demokrazija parlamentari għax qed titqies li l-iżjed li taqdi hi lil dawk b’saħħithom u tal-flus.

Mhux folklor politiku

Fis-7 ta’ Ġunju 1919 il-Maltin qamu kontra l-ħakma kolonjali Brittanika li kienet interessata biss tuża’ lil Malta bħala bażi navali fil-Mediterran u ma kienx jimpurtaha mit-tbatija u l-ħajja diffiċli tal-poplu.

F’pajjiżna stess bħala Maltin konna nitħallsu inqas mill-Ingliżi għall-istess xogħol. L-essenza tal-kolonjaliżmu hi li l-ħakkiem iqis bħala inferjuri lil dawk li jaħkem u jistmahom bla dinjita’ u bla rispett.

Il-kolonjaliżmu huwa tmexxija vjolenti u nġusta imposta bis-saħħa tal-armi.

Fiż-żmien kolonjali ħafna Maltin kienu bla xogħol għax l-Imperu ried lil Malta għal użu militari u ma riedx iħalli żvilupp ekonomiku li jtellef dan l-użu militari.

Kull sena għandna t-tradizzjoni sabiħa li nsellmu lil dawk li nqatlu dakinhar u lil dawk li ssugraw ħajjithom bil-protesti tagħhom. Imma lilhinn miċ-ċerimonji tajjeb li nifhmu sew x’fissru dawk il-ġrajjiet.

Il-Maltin ma kinux tħallew imexxu lill-pajjiżhom.

Il-Maltin ma setgħux itejbu ħajjithom mingħajr ħelsien politiku.

Kien biss meta bdejna nmexxu lilna nfusna li bdejna nieħdu r-ruħ u noħolqu l-ġid u x-xogħol u jkollna s-servizzi soċjali u l-edukazzjoni u s-saħħa għall-ġid tal-poplu.

Biex inkomplu nitgħallmu

Persuna umli tibqa’ titgħallem għax taf li fil-ħajja, titgħallem kemm titgħallem, dejjem hemm x’tibqa’ jkollok x’titgħallem.

Dejjem jibqagħlek nuqqasijiet x’tirranġa u difetti xi ssewwi.

“Nies li qatt ma jridu jtejbu lilhom infushom. Jaħsbu li huma perfetti. Il-vanita’ tagħhom hija akbar mill-miżerja tagħhom.”

Hekk kiteb l-Isqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa.

Torċa 15 Ġunju 2025