You are currently viewing Bejn il-flus u l-voti

Bejn il-flus u l-voti

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:8 mins read

F’sistemi politiċi fejn partiti differenti jikkompetu ma’ xulxin fl-elezzjonijiet u jiddependu fuq l-għotjiet ta’ flus għall-organizzazzjonijiet tagħhom, il-partiti jinqabdu bejn l-interessi privati tad-donaturi u l-interessi pubbliċi tal-votanti.

Id-donaturi tal-flus, l-aktar dawk li jagħtu ħafna, jkunu jridu li l-partiti politiċi jagħmlu dak li jaqbel lilhom. Il-votanti jkunu jridu li l-partiti tagħhom jaqbżu għalihom u jagħmlulhom il-ġid.

Il-partiti jinqabdu fin-nofs meta d-donaturi jġebbdu naħa u l-votanti jġebbdu n-naħa l-oħra għax meta jkollhom interessi kontra xulxin jogħġob naħa u jweġġa’ naħa oħra.

Jekk partit jispiċċa jitlef id-donaturi, kif se jkollu flus biex imexxi l-organizzazzjoni tiegħu, u fil-każ ta’ Malta, l-istazzjon u l-ġurnal tiegħu?

Jekk partit jispiċċa jitlef il-votanti, kif se jkollu appoġġ biex jirbaħ l-elezzjoni? Meta jibdew jitilqu l-votanti jibdew jitilqu wkoll id-donaturi. Għax min se “jinvesti” flusu f’partit tellief?

Flus vs voti

Id-demokrazija timrad kif qed timrad u tiddgħajjef f’ħafna pajjiżi, fosthom aħna, fejn il-partiti u l-kandidati jiddependu mid-donaturi privati flok mill-fondi pubbliċi taċ-ċittadini kollha. Id-demokrazija timrad meta l-kampanji elettorali tal-kandidati u tal-partiti jiġi jiswew ħafna flus. Tikber id-dipendenza fuq id-donaturi u tonqos is-saħħa tal-votanti.

Il-coffee mornings, ikliet, maratoni u l-attivitajiet oħra tal-ġbir ta’ flus mhumiex biżżejjed għall-partiti u għall-kandidati.

Demokrazija suppost tfisser tmexxija mill-poplu li jivvota għal dawk li jaħseb jirrapreżentawh l-aħjar u jagħmlu l-ġid.

Plutokrazija tfisser li jmexxu n-nies tal-flus għax bl-għotjiet tagħhom jixtru l-influwenza politika biex jittieħdu deċiżjonijiet li jaqbel lilhom.

Fid-dinja reali d-demokrazija u l-plutokrazija jitħalltu flimkien bid-differenza li waqt li l-ispettaklu tad-demokrazija jsir fuq il-palk, iċ-ċaqliq tal-plutokrazija jsir wara l-kwinti.

Aktar ma tikber l-influwenza egoista tan-nies tal-flus fid-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu mill-partiti, kemm fil-gvern, kif ukoll fl-opposizzjoni, aktar jitilfu fiduċja fil-politika ċ-ċittadini fejn f’demokrazija, flimkien mal-ġid komuni, suppost jiġu l-ewwel.

F’nofs Jannar li għadda, Joe Biden tkellem għall-aħħar darba bħala President Amerikan huwa wissa li l-Istati Uniti tista’ ssir oligarkija – pajjiż bi gvern f’idejn ftit sinjuri kbar:

“Illum, oligarkija qed tkompli tifforma fl-Amerika b’ġid, poter u influwenza enormi li litteralment hija theddida għad-demokrazija sħiħa tagħna.”

Ħamest ijiem wara Donald Trump ġabar madwaru l-akbar biljunarji għall-inawgurazzjoni kif ukoll bħala membri tal-kabinett tiegħu. Bejniethom għandhom flus iżjed mill-ġid kollu ta’ iżjed minn 172 pajjiż fid-dinja.

Fost dawk li ngħataw l-aħjar postijiet għall-inawgurazzjoni kien hemm is-sidien tal-kumpaniji tech ta; l-Intelliġenza Artifiċjali li jikkontrollaw il-pjattaformi diġitali li qed jikkundizzjonaw kif ngħixu, kif naħdmu, kif nixtru, kif nitkellmu ma’ xulxin, kif nivvotaw, kif niġġieldu u noqtlu lil xulxin, anki fil-gwerra.

Għad irridu naraw kif se jużaw il-poter politiku ġdid tagħhom permezz tal-President Donald Trump li jrid ipoġġi lill-Amerika l-ewwel f’kollox u fuq kulħadd. Anki jekk qal li jrid itemm il-gwerer u jevita oħrajn ġodda diġà qal li jrid li l-Istati Uniti tidħol Panama biex tikkontrolla l-Kanal ta’ Panama kif jaqblilha u tieħu l-gżira ta’ Greenland għax għandha bżonnha.

Ħafna mill-gvernijiet Ewropew ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu dwaru.

 Għad irridu naraw b’liema mod il-gvern biljunarju ta’ Trump se jaqbeż għall-ħaddiema u dawk li ilhom ma jaraw żieda fil-paga minima ta’ €7 is-siegħa minn Lulju 2009.

Trump bi ħsiebu jerġa’ jnaqqas it-taxxi għas-sinjuri u jnaqqas is-servizzi soċjali għal dawk il-miljuni kbar ta’ Amerikani li jsibuha diffiċli ħafna jlaħħqu mal-kera u mal-prezzijiet tal-ikel u l-mediċini. Fi żmien sentejn ikun hemm l-elezzjonijiet u jekk ma jaqbiżx kif wiegħed għal dawk ta’ taħt u jduru kontrih u r-Repubblikani jitilfu l-maġġoranza li għandhom.

Fl-1863 il-President Abaraham Lincoln kien sellem lil dawk iż-żgħażagħ Amerikani li mietu biex l-Istati Uniti ma tibqax kolonja tar-Renju Unit u biex titwieled bħala repubblika “bi gvern tal-poplu, mill-poplu għall-poplu.”

Fis-sena 2010 il-Qorti Suprema Amarikana ddeċidiet li s-sinjuri l-kbar jistgħu jagħtu kemm iridu flus lill-kandidati u lill-partiti għall-kampanji elettorali tagħhom. Minn dakinhar ‘l hawn l-Istati Uniti saret plutokrazija, immexxija min-nies tal-flus għan-nies tal-flus, ikun min ikun president, Is-sinjuri qed isiru dejjem iżjed sinjuri u ħafna mill-bqija qed jaqgħu lura.

Fl-1961 il-President Dwight Eisenhower fl-aħħar diskors tiegħu kien wissa li l-kumpanniji tal-armamenti saru theddida għad-demokrazija Amerikana għax kienu bdew jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-gvern biex jixtri iżjed armamenti u jagħmel iżjed gwerer madwar id-dinja.

Minn dak iż-żmien ‘l hawn l-influwenza tal-kumpanniji tal-armamenti fuq il-ħajja politika, ekonomika u kulturali fl-Istati Uniti kompliet tiżdied.

F’nofs baħar imqalleb u bla mappa

“Dak li deher tant sod sar artab, dak kollu li deher ċert sar inċert, dak kollu li kien jidher ċar u ovvju sar mimli mistoqsijiet – politikament, kulturalment, filsofikament u etikament.”

Dietrich Bonhoeffer – 1929

“Ħallejna l-art warajna u rkibna fuq il-vapur. Ħraqna l-pontijiet tagħna – iżjed minn hekk qridna l-art li ħallejna warajna.”

 Friedrich Nietzsche– 1882

Dak li jgħidu dawn iż-żewġ ħassieba Ġermaniżi jista’ jgħinna nippruvaw nifhmu ż-żminijiet li ninsabu għaddejjin minnhom fid-dinja tal-lum. Ninsabu f’baħar fond, imqalleb u miftuħ u m’għandniex art soda li nafu li nistgħu nitilgħu fuqha. Irridu nitgħallmu nbaħħru bla mapep f’dan il-baħar miftuħ imqalleb ħafna bejn sema u ilma.

Qisna l-baħħara-esploraturi ta’ aktar minn 500 sena ilu nfittxu artijiet bla mapep x’jiggwidawna. Il-mapep li kellhom dawk l-esploraturi kellhom partijiet sħaħ li ħadd li jafu huma ma kienu marru fihom u allura kienu jiktbu fuqhom ‘hic sunt dracones’ – hawn jinsabu d-draguni.

L-isfidi l-ġodda li ma kinux jafu kif se jilqgħu għalihom kienu jsejħulhom draguni.

Dietrich Bonhoeffer u Friedrich Nietzsche rriflettew dwar iż-żmien imqalleb u r-reajtaljiet ikkumplikati li għexu fihom.

Bonheoffer kien teologu qassis Protestant Ġermaniż (1906 – 1945) li ħadha kontra n-Nażiżmu u ġie mitfugħ il-ħabs u maqtul għax kien imdaħħal fi pjan biex itajru lil Hitler.

Friedrich Nietzsche (1844 – 1900) kien ħassieb Ġermaniż li kkritika li faqqarna l-ħajja tagħna billi bdejna naħsbu li nsibu sens f’ħajjitna jekk nagħtu każ biss il-ġid materjali, ix-xjenza u teknoloġija.

Leħen April 2025