You are currently viewing “Bdejt induq il-ħaxixa …”

“Bdejt induq il-ħaxixa …”

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Jiena droga qatt ma ħadt f’ħajti… ma jfissirx li jien xi qaddis… kulħadd jaf li nħobb ħafna l-pastizzi, u anke l-figolli u l-pasta frolli… u xi naqra workoholic… 

“Imma issa se nammetti li minn Diċembru 2019 bdejt induq il-ħaxixa – meta mmur niġri Għar id-Dud, jew meta mmur il-baħar, qed tiġri iktar spiss li jidħol fi mnifsejja duħħan tal-ħaxixa… “Hemm min forsi jgħid li dan biex se jdaħħaq:

“Però qed naraw realtà tal-biki li ħafna minnha għandha x’taqsam man- nuqqas ta’ infurzar tal-liġi. 

“Il-Liġi tgħid li ma jistax isir tipjip tal-Kannabis fil-pubbliku jew quddiem it-tfal u ma jistax ikollok iktar minn 4 pjanti d-dar. 

“Spiss iċemplu ġenituri u neighbours inkwetati – “x’se nagħmel? Ta’ taħti bi tfal u l-ħin kollu jpejjep il-ħaxixa”, għalliema jsaqsuna jekk il-ħaxixa għadhiex perikoluża; għal mal-istudenti jħossu li fuq dan is-suġġett – walk over. 

“X’jagħmel għalliem meta student jgħidlu “imma issa mhux legali? Jien missieri jpejjep u għandu l-pjanti”. 

“Konna ngħidu li l-liġi se tagħti messaġġ ħażin, li se jkollna problemi ta’ enforcement, li żgħażagħ f’riskju se jgħaġġlu l-proċess għall-kokaina, li l-Kannabis se tkompli tiġi xejn mhu xejn… li se jiżdiedu l-admissions fl-isptar Mount Carmel u Mater Dei… 

“Kien hemm min qalilna qed inbeżżgħu bil-babaw.”

Droga m’għand tal-grocer u online

“Nemmnu li l-proċess riċenti tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis għat-twaqqif ta’ social clubs sar b’serjetà imma tinkwetak li fil-kampanja tal-istess Awtorità li tinforma lill-pubbliku dwar il-liġi u fejn tista’ tikkonsma l-Kannabis ma jidhirx indikat li din is-sustanza għandek iżżomm ’il bogħod minnha. “Nafu x’ġara bis-sigaretti u sfortunatament se nerġgħu nduru d-dawra bil-Kannabis. Dak li hu kanċer għat-tabakk, hu ta’ problemi mentali għall Kannabis. 

“U issa ilna minn Ottubru tal-2023, flimkien ma’ kollegi tal-OASI u anke mill-Università nimbuttaw biex jitwaqqaf il-bejgħ ta’ prodotti ta’ Kannabis sintetika magħruf bħala HHC milli jinbiegħu fil-grocers u corner shops u stationers. U issa isbaħ! “Anki minn websites Maltin tixtri Gummy MDMA u Gummy speed! Kollega xtrahom u bagħathom il-laboratorju u oħroġ il-għaġeb hemm traċċi tal-MDMA (Ecstacy), Ketamina u Anfetamina! 

“Dan mument fejn naraw id-dlam. Nemmnu li soluzzjoni hemm jekk ikun hemm rieda ta’ infurzar veru.”

Silta, kelma b’kelma mid-diskors tad-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt meta nhar il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2024, fil-għaxija ltqajna San Blas niċċelebraw lil dawk il-persuni li temmew il-programm biex joħorġu mill-vizzju tad-droga.

Hitler invada r-Russja flok Malta

ma nvadiex Malta83 sena ilu il-Kanċillier Ġermaniż Adolf Hitler iddeċieda li flok jinvadi lil Malta, jinvadi lir-Russja.

Din id-deċiżjoni titqies li hi l-akbar żball strateġiku li għamel Hitler.

Minħabba fiha tilef il-gwerra, tilef ħajtu u l-ħolma tiegħu li jiddomina d-dinja għal 1,000 sena. Din it-tieni gwerra dinjija kienet miġġielda bejn il-Ġermanja, l-Italja u l-Ġappun fuq naħa u r-Renju Unit, Franza, l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina fuq in-naħa l-oħra.

Il-Ġeneral Erwin Rommel li kien imexxi l-forzi Ġermaniżi mil-Libja, u ġenerali oħra, riedu li l-Ġermanja u l-Italja jinvadu lil Malta (f’Lulju jew f’Awwissu 1942) biex hekk jikkontrollaw ir-rotta lejn l-Afrika biex iwasslu ż-żejt, l-ikel u l-munizzjon lill-forzi Ġermaniżi.

Wara li jirbħu lil Malta, riedu li jirbħu l-Eġittu, il-Kanal Swejż u ż-żejt tal-Lvant Nofsani. Kienu jaqsmu l-Imperu Brittaniku fi tnejn u ma kienx hemm għalfejn jinvadu lir-Russja qabel ma jkunu ssaħħu bir-rebħ tal-Afrika u taż-żejt tal-Lvant Nofsani.

Hitler għamel ta’ rasu

Il-Ġeneral Rommel kien jaf li Malta kienet theddida kontinwa għall-vapuri Ġermaniżi jbaħħru lejn il-Libja biex iwasslu l-provvisti li l-forzi Ġermaniżi kellhom bżonn.

Rommel kien javvanza bil-forzi tiegħu kull darba li l-provvisti kienu jaslu fil-ħin. Kien ikollu jieqaf meta ma jaslux għax imħarbtin mill-attakki tal-ajruplani Brittaniċi stazzjonati Malta.

B’Malta mirbuħa, il-provvisti kienu jaslulu kontinwament u ma kienx iwaqqfu ħadd javvanza lejn l-Eġittu mil-Libja.

Malta kien ikollha ċċedi kieku ġiet attakkata mis-suldati Ġermaniżi flok Kreta u kienu l-flotta Taljana kienet iżżomm il-flotta Brittanika milli tgħin lil Malta.

Imma Hitler ma semax minn sieħbu l-mexxej Faxxista Taljan Benito Mussolini u mill-ġenerali Ġermaniżi u minflok ma nvada lil Malta, invada lir-Russja li rebħitlu b’sagrifiċċju uman kbir ta’ 27 miljun Russi maqtula.

Torċa 21 Lulju 2024