You are currently viewing Appartamenti għat-turisti. U għall-Maltin?

Appartamenti għat-turisti. U għall-Maltin?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:3 mins read

L-aġenziji tal-propjetà bħalissa qed jirreklamaw ħafna l-appartamenti għat-turisti. L-Industrija tal-bini u parti mill-industrija turistika qed jimbuttaw biex jiżdied l-użu tal-appartamenti għat-turisti.

Aktar sidien ta’ propjetà qed jitħajru jaqilbu l-appartamenti tagħhom biex jintużaw mit-turisti li jiddeċiedu joqogħdu f’Airbnb meta jiġu għal ftit jiem fostna. Fit-13 ta’ Novembru 2019 il-Bank Ċentrali ta’ Malta kien ħareġ studju jismu ‘A Study of Short-Term Rentals In a Sharing Economy’ u fih semma li hemm bżonn li jiġi analizzat x’effett qed iħalli dan fuq l-għoli tal-kera u fuq il-Maltin li jkunu jridu jikru.

Sitt snin ilu sidien tal-Airbnb kienu jdaħħlu medja ta’ €2,400 fix-xahar mill-kera lit-turisti u qed isibu li jaqblilhom jikru lit-turisti. Il-medja ta’ kirja kull lejl kienet ta’ €80 imma r-rati jvarjaw minn lokalità għall-oħra, Il-Bank Ċentrali kien sab li fl-2019 kirja f’Santa Luċija ta’ €18 kull lejl kienet l-aktar baxxa. B’€31 kull lejl il-Marsa wkoll kienet fost ir-rati baxxi. Fost l-ogħla kien hemm il-Għargħur b’€169 kull lejl, l-Imdina b’€130 kull lejl, l-Għasri b’€116 kull lejl u l-Għarb b’€109 kull lejl. Il-Mellieħa kienet b’€106 kull lejl.

L-istudju wera li 10% tas-sidien kellhom 60% tal-appartamenti mikrija lit-turisti. Jekk jimlew l-appartamenti 79% tas-sena id-dħul kien ikun ta’ €111. Żgur li llum huwa iżjed għax żdiedu l-appartamenti u r-rati kemm dawk skont il-liġi u dawk li joperaw illegalment.

Mindu sar ir-rapport tal-Bank Ċentrali, żdiedu l-appartamenti legali u llegali għat-turisti u żdied id-dħul minnhom,

Il-Bank Ċentrali kien semma l-bżonn li jiġi studjat x’taxxi qed jidħlu jew għandhom jidħlu minn dan is-settur u l-effett li qed iħalli fuq il-Maltin li jridu jikru imma ma jifilħux jikkompetu mal-kera li jitolbu s-sidien u jippreferu lit-turisti. Tajjeb li jsir dan l-istudju u jittieħdu l-passi meħtieġa fuq l-evażjoni tat-taxxa minn dawk li qed jikru llegalment u jekk għandhomx jibqgħu jinħarġu bla limitu permessi għal appartamenti turistiċi meta dan ikompli jgħolli l-kera għall-Maltin.

Kien għalaq ir-rapport tiegħu billi jikkonkludi li l-kiri għat-turisti jolqot il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet u jolqot ukoll il-prezzijiet f’inħawi residenzjali u kemm isibu jikru n-nies tal-post. Dawk li jfasslu u jwettqu l-politika f’Malta għġandhom jistudjaw x’inhuma l-affetti tajbin u ħżiena ta’ din l-industrija għall-kiri ta;’ appartamenti lit-turiti. Għandhom jistudjaw jekk is-sidien humiex qed jiġu ntaxxati kif suppost, kemm għad-dħul kif ukoll bħala eko-kontribuzzjoni u jekk id-dħul tat-taxxa minnhom hux jingħata lil dawk l-awtoritajiet u l-kunsilli lokali li jridu jindirizzaw il-problemi li t-turisti joħolqu f’żoni residenzjali.

Franza fil-maltemp

L-istabilità politika fi Franza qed tkompli bi gern wara ieħor jirriżenja għax ma jsibx l-appoġġ meħteġ mill-parlament biex jgħaddi l-baġit għall-pajjiż.

L-aħħar li rriżenja kien il-Gvern tal-Prim Ministru Francois Bayrou wara li tilef vot ta’ fiduċja bi 364 kontra u 194 favur wara li ġie rifjutat baġit biex inaqqas id-dejn u d-defiċit ta’ Franza flok biex itejjeb il-ħajja tal-Franċiżi.

Id-dejn ta’ Franza issa hu €3.35 triljun li se jitla’ 116% tal-ġid ekonomiku Franċiż. Id-defiċit huwa 5.8%, €168.6 biljun tal-prodott gross domestiku.

Ħames snin ilu Franza kienet tħallas €26 biljun imgħax għad-dejn nazzjonali. Issa qed ikollha tħallas €66 biljun, daqskemm tonfoq fuq l-edukazzjoni jew il-militar.

L-istabilita’ fi Franza qed toħloq instabilita’ fl-Unjoni Ewropea. Il-Ġermanja wkoll qed tiffaċċja kriżi ekonomika li qed teffettwa l-UE.

Qabel Franza u l-Ġermanja kienu l-muturi ewlenin li jsuqu l-UE.

Issa li dawn il-muturi qed jaħdmu ħażin qed iwasslu biex anki l-UE tispiċċa bla sens ta’ direzzjoni u tkompli taqa’ lura fl-ekonomija, fit-teknoloġija, fl-enerġija u tkompli titlef ir-rivelanza tagħha fid-dinja.

Bayrou huwa r-raba prim ministru maħtur mill-President Emmanuel Macron li kellu jirriżenja fi żmien sena. Fi Franza qed tkompli titwal il-kriżi politika għax m’hemm l-ebda partit b’appoġġ biżżejjed biex jifforma gvern.

Torċa 21 Settembru 2025