You are currently viewing Anqas unions, aktar disugwaljanza

Anqas unions, aktar disugwaljanza

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:6 mins read

Meta l-ħaddiema barranin ma jitħallsux b’mod diċenti u s-salarji tagħhom jibqgħu baxxi, dan jolqot ħażin lill-ħaddiema Maltin.

Min iħaddem jippreferi jimpjega ħaddiema barranin għax iħallashom inqas mill-Maltin.

Il-ħaddiema għandhom jitħallsu indaqs, skont ix-xogħol li jagħmlu u mhux skont minn fejn huma ġejjin. 68% tal-ħaddiema huma Maltin,  11% ġejjin minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u 21% ġejjin mill-bqija tad-dinja.

Mingħajr sħubija fil-unions eluf ta’ ħaddiema, l-aktar dawk b’pagi baxxi, ma jirnexxielhomx itejbu d-dħul tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Studju li għandu jippubblika l-Professur Godfrey Baldacchino juri li waqt li n-numru ta’ nies fix-xogħol irdoppja fl-aħħar 30 sena, ma’ żdiedux bl-istess rata l-ħaddiema msieħba f’xi union. Minn kull tliet ħaddiema ġodda li daħlu f’impjieg, wieħed biss, jew terz mill-ħaddiema ġodda kollha li daħlu f’union.

Huwa jgħid li fis-sena 2020, 36% biss tal-ħaddiema kienu f’union u ħafna minnhom huma fis-settur pubbliku.

Fis-settur privat li fih il-biċċa l-kbira tal-100,000 ħaddiema barranin, is-sħubija waqgħet lura ħafna. Baldacchino jgħid li ħafna mis-settur privat li mhumiex f’union jinsabu fl-oqsma tal-e-gaming, kostruzzjoni, assigurazzjoni, kumpanniji żgħar u kumpanniji tal-familji kif ukoll dawk li jaħdmu fl-ekonomija ‘gig’ fejn il-ħaddiema jingħataw kuntratti għal żmien qasir flok impjieg fit-tul.

Fl-1995 kien hemm 33% li kellhom ftehim kollettiv fis-settur privat. Dawn niżlu għal 13% fis-sena 2022. Fis-settur pubbliku 99% tal-ħaddiema jgawdu minn ftehim kollettiv.

Suppost li skont id-Direttiva Ewropea dwar il-Paga Minima, għandu jkollna 80% tal-ħaddiema bi ftehim kollettiv. Malta mistennija twettaq pjan ta’ azzjoni biex tilħaq dik il-mira.

Minħabba din id-dgħufija u nuqqas ta’ protezzjoni mill-unions, waqt li f’pajjiżna kiber il-ħolqien tal-ġid u ta’ impjiegi żdiedet ukoll id-disugwaljanza għax il-ġid jista’ jitqassam b’aktar ġustizzja u jilħaq aħjar lill-ħaddiema kollha, anki lil dawk bi dħul iżjed baxx mill-bqija.

Skont il-Eurostat, l-20% ta’ fuq għandhom dħul ta’ iżjed minn medja ta’ €28,820 fis-sena. L-20% t’isfel nett jaqilgħu inqas minn medja ta’ €11,720 fis-sena. is-60% l-oħra jaqilgħu inqas minn €20,485, inqas mill-medja tal-paga bażika.

Fl-aħħar 14-il sena id-daqs tal-kejk nazzjonali rdoppja u s-sena li għaddiet kien ta’ €105.3 biljun, l-aktar bil-valur tad-djar u bil-flus li ddepożitaw in-nies fil-banek. Iżda żdiedet ukoll id-disugwaljanza.

Rapport li kien ħareġ il-Bank Ċentrali fil-5 ta’ Awwissu 2024 juri li 10% tal-akbar sinjuri f’Malta għandhom kważi 90% tal-ġid kollu ġej min-negozju.

L-10% l-aktar sinjuri qed jieħdu 5% iżjed milli kienu jieħdu fl-2010. Illum qed jieħdu 44.8% meta 14-il sena ilu kienu jieħdu 39.7%. Minn dan il-kejk nazzjonali nofs il-familji tagħna bl-inqas dħul kienu jieħdu 14.3% fl-2010. Illum qed jieħdu 12%.

Waqt li mis-sena 2010 il-ġid tal-10% l-aktar sinjuri żdied b’160.7%, dak tal-50% bl-inqas dħul żdied b’94.1%. Ifisser li l-ġid tagħhom irdoppja fl-aħħar 14-il sena.

Id-differenza bejn ta’ fuq u isfel żdiedet minn 0.54 fl-2010 għal 0.59 fl-2023. Din id-differenza hija inqas mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn id-disugwaljanza tilħaq differenza ta’ 0.72.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika waqt li naqas il-faqar b’1% jew inqas fost l-adulti, żdiedu bi kważi 3% dawk li għandhom inqas minn 18 u jinsabu f’riskju ta’ faqar.

X’nistgħu nagħmlu biex ikollna tqassim iżjed ġust tal-ġid biex inkomplu nnaqqsu l-105,000 li jgħixu fir-riskju tal-faqar? Biex inqassmu l-ġid, irridu noħolquh. Tajjeb li jkollna diskussjoni nazzjonali kif se nkomplu noħolqu l-ġid. Imma tajjeb ukoll li jkollna diskussjoni nazzjonali kif se nqassmuh b’iżjed ġustizzja.

Tgħin mhux tgħaffeġ

Għandna nisa u rġiel, lajċi u reliġjużi li bil-kwiet u bla pubbliċità jagħmlu xogħol prezzjuż ma’ tfal u żgħażagħ li twieldu u trabbew f’ċirkustanzi diffiċli ħafna li tellfuhom kull fiduċja fil-ħajja u li anki wassluhom biex ta’ 14, 15-il sena jippruvaw jagħmlu suwiċidju.

Hawn min sofra abbużi sesswali fil-familja, hawn min twieled minn relazzjoni ta’ inċest, hawn min ġie abbandunat mill-ġenituri … li jiġu salvati biss jekk isibu lil dawk li jħobbuhom u jirbħu l-fiduċja tagħhom b’ħafna sagrifiċċji u diffikultajiet u jgħinuhom jibnu tama fihom infushom u fl-ħajja.

L-akbar ferħ għal dawk li jaħdmu ma’ tfal u żgħażagħ li jgħixu ħajja ta’ tbatija u wġigħ, huwa meta jaraw il-frott tal-ħidma tagħhom u l-persuni ma jibqgħux biċċiet imkissrin imma jibdew isiru persuni li jridu jgħixu u jibnu ħajjithom.

Ġieli niltaqgħu ma’ tfal u żgħażagħ li nikkundannawhom bħala mħarbtin u mhuma tajbin għal xejn ħlief biex jaqilgħu l-inkwiet. Ma nkunux nafuhom. Ma nkunux nafu minn xiex għaddew u minn xiex għaddejjin. Inkunu akbar minnhom fl-età imma ma nkunux ġarrabna mqar ftit minn li ġarrbu huma imma ngħaġġlu nikkundannawhom u nħarsu ‘l isfel lejhom bħala li aħna superjuri għalihom.

Tajjeb insellmu lil dawk fostna li s-saħħa tagħhom juruha mhux billi jgħaffġu lit-tfal u liż-żgħażagħ diġà mgħaffġin mill-ħajja imma billi jgħinuhom iqumu mill-art u jimxu ‘l quddiem.

Torċa 9 Frar 2025