You are currently viewing Aktar minn fjuri u kliem sabiħ

Aktar minn fjuri u kliem sabiħ

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:3 mins read

Tajjeb li kull 6 ta’ Awwissu nfakkru t-twelid tal-Perit Dom Mintoff u ngħidu kliem sabiħ dwaru. Imma l-aħjar mod li nżommu ħaj il-qalba tal-wirt tiegħu li għadha tgħodd sal-lum illi nħaddmu f’ċirkustanzi differenti l-valuri ewlenin tiegħu li għandhom jiggwidawna.

Malta saret nazzjon sovran, repubblika, poplu li jmexxi lilu nnifsu, ħieles minn bażijiet militari u fl-ebda alleanza militari grazzi għal Dom Mintoff li twieled fis-6 ta’ Awwissu 1916.

Jibqa’ magħruf ukoll li ħadem:

– biex jeħlisna minn serviliżmu lejn il-barrani, biex nemmnu li aħna daqs popli oħra u nimxu fit-triq ta’ ġid għalina u mhux fejn iġebbidna ħaddieħor fl-interessi tiegħu,

– ⁠biex idaħħal is-servizzi soċjali u s-servizzi tal edukazzjoni u tas-saħħa biex f’ħajjitna ma nkunux ikkundannati għall-faqar jew ħajja diċenti skont f’liema klassi nitwieldu,

– ⁠biex joħloq il-ġid u x-xogħol f’pajjiżna flok l-emigrazzjoni u l-firda mill-familja u minn artna,

– ⁠biex itejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema bi dritt u mhux b’karita’,

– ⁠biex ikollna kostituzzjoni li tatna kap ta’ stat tagħna, in-newtralita’, separazzjoni stat – Knisja, drittijiet umani u impenn favur il-paċi u l-progress,

– biex b’liġijiet ġodda neħħa l-omosesswalita’ minn delitt u daħħal iż-żwieġ ċivili u spiċċat is-sentenza tal-mewt,

– ⁠biex il-partit bl-akbar għadd ta’ voti fl-elezzjoni jiggverna.

Patrijott minsi

Camillo Sceberras twieled fl-4 ta’ Awwissu 1772. Bħala żagħżugħ ispirat mill-ideali tal-libertà, ugwaljanza u fraternità tar-rivoluzzjoni Frsnċiża u kontra l-monarkija u favur tmexxija mill-poplu. Drittijiet individwali u ugwaljanza soċjali, Camillo Sceberras ingħaqad ma’ dawk li kienu qed jaħdmu biex l-Ordni tal-Kavalieri jitkeċċew minn Malta biex pajjiżna jibda jitmexxa mill-Gvern Repubblikan Franċiż.

Fl-1798 il-poplu tagħna nqasam bejn dawk li żammew mal-forzi Franċiżi li keċċew lill-Ordni minn Malta u dawk li kienu kuntenti li Malta ħelset mill-Ordni imma beżgħu mit-tibdil politiku li riedu l-Franċiżi li jdgħajjef lill-Knisja Kattolika u lill-mexxejja tradizzjonali lokali f’pajjiżna.

Camillo Sceberras kien favur dawk li riedu jdaħħlu l-ideali politiċi ġodda Franċiżi f’Malta. Huwa żamm mal-Franċiżi fil-ġlied li nqala fit-2 ta’ Settembru 1798. Kellu jitlaq minn Malta f’Novembru 1798 u ġie lura f’Novembru ta’ 19-il sena wara karriera fl-armata ta’ Napuljun u meta Malta kienet taħt il-ħakma imperjali Britannika.

Favur bidliet kbar

Fl-1832 ifforma l-Comitato General Maltese flimkien ma’ George Mitrovich biex iġibu drittijiet għall-poplu Malti. Fl-1835 kien mar ukoll miegħu Londra jaħdem favur id-drittijiet tal-Maltin. Kien juża’ l-ġid personali tiegħu għall-ħidma politika favur il-poplu Malti. Iddedika ħajtu favur il-libertà tal-istampa, sistema tal-qrati ġusta, edukazzjoni għall-poplu u d-dritt tal-Maltin li jieħdu sehem fit-tmexxija ta’ pajjiżhom u li jingħataw l-opportunità jidħlu fin-negpzju bla jiġu żvantaġġati mill-Ingliżi.

Fl-1842 Sceberras kiteb lill-gvernatur dwar kif il-Ġiżwiti f’Malta kienu qed jaħdmu ma’ konservattivi Ingliżi kontra t-Taljani li kienu Malta favur Italja magħquda u meħlusa mill-qawwiet barranin li kienu jaħkmuha, fosthom il-Papa.

Fl-elezzjoni tal-1849 fejn kien hemm demokrazija ristretta ħafna u l-irġiel tal-flus kellhom iżjed minn vot wieħed waqt li n-nisa kollha u l-maġġoranza tal-irġiel tax-xogħol ma kellhom l-ebda vot, minn 3,486 votant, Sceberras ġab 34 vot biss.

Bla monument u bla qabar

Kienet saret kampanja kontra tiegħu li huwa kontra l-Knisja u favur l-ideat rivoluzzjonarji politiċi tar-repubblika u tal-għaqda tal-Italja u ħelsien mill-ħakma tal-Papa.

Fl-1991 Robert Farrugia Randon ħareġ ktieb interessanti ħafna dwaru: ‘Camillo Sceberras His life and times’. Charles Xuereb li hu fost l-aktar li kiteb fuq il-preżenza Franċiża fl-istorja ta’ pajjiżna jsemmi kif m’għandna l-ebda monument ifakkru u lanqas nistgħu nselmulu billi npoġġu xi fjuri fuq qabru.

Qabdru nqered fit-Tieni Gwerra Dinjija bil-bombi li twaddbu fil-Birgu fuq il-knisja Dumnikana tal-Lunzjata fejn Camillo Sceberras kien midfun meta miet fl-età ta’ 82 sena fl-1855.

Torċa 24 Awwissu 2025