Fi tmiem Novembru 2024 ħabiba kellha tidħol b’emerġenza bil-lejl l-isptar Mater Dei u baqgħet impressjonatha kemm kienu qed jaħdmu tajjeb u jservu lin-nies sew it-tobba, l-infermiera u dawk li kienu xogħol. Rawha u poġġewha f’sodda għal iżjed osservazzjoni.
Impressjonat ruħha iżjed u iżjed meta nfurmawhom li kien hemm aħbar ta’ nirien f’fabbrika u kien għad mhux magħruf kemm jista’ jkun hemm nies maqbuda u mweġġa’ f’dawk in-nirien li jkollhom jiddaħħlu l-isptar għal-kura. Qalulhom li se jieħduhom kamra oħra ħalli jlestu l-kamra tagħhom għal dak li hemm bżonn u kollox sar b’mod organizzat u sensittiv lejn il-pazjenti. Ħaduhom u lestew il-kamra l-ġdida li ħabat tajjeb ma ntużatx għax ma ġarax dak li beżgħu seta’ jiġri u jiddaħħlu ħafna mweġġa’ l-isptar.
Anki fejn kien hemm il-fabbrika taqbad, in-nies tat-tifi tan-nar kienu eżemplari fil-ħidma tagħhom b’impenn u b’mod professjonali.
Tajjeb naraw fejn l-affarijiet isiru tajjeb u n-nies jaħdmu b’mod sew u nagħrfu li jagħmlu hekk.
Fl-istess ħin hawn min daħal l-emerġenza l-isptar Mater Dei u dam ħafna biex jinqeda għax dawk li jaħdmu hemm ma setgħux ilaħħqu.
Min għandu esperjenza ħażina fejn imur biex jinqeda: ikun fejn ikun, ikun liema dipartiment ikun, servizz pubbliku jew privat, jiġġudika skont xi jkun ġarrab hu stess.
Tisma’ nies jitkellmu qisu fil-pajjiż xejn ma jaħdem tajjeb u li ħadd ma jagħmel dmiru u li morna l-baħar f’kollox. Fl-istess ħin tisma’ nies jgħidu li kollox sejjer tajjeb u li aħna l-aqwa fid-dinja
Imma l-ħajja hija dejjem aktar imżewqa u kkumplikata minn kif nitkellmu dwarha, abjad jew iswed, kollox tajjeb jew kollox ħażin.
Bħall-Manikejisti
Għandna ħabta nħarsu madwarna u norganizzaw id-dinja f’tajbin jew ħżiena, anġli jew xjaten, ġenna jew infern, spirtu jew materja, ħbieb jew għedewwa u lejali jew tradituri. Aħna għandna dejjem raġun u ħaddieħor għandu dejjem tort, aħna superjuri u l-oħrajn inferjuri. Nirraġunaw b’mod li jixbaħ ħafna l-mentalità Manikejista li nsibu fir-reliġjon maħluqa minn Mani mill-Persja 1700 sena ilu. Kien jemmen li hu l-Profeta tad-Dawl li ġie biex jixgħel id-dlam tad-dinja bit-tagħlim tiegħu. Kien jara lilu nnifsu li qed jimxi fil-passi ta’ Adam, Buddha, Żoroaster u Ġesù.
Ir-reliġjon tiegħu baqgħet tinxtered għal sekli sħaħ wara li miet minkejja li attakkawha reliġjonijiet oħra u kkundannawha. Partijiet mit-twemmin baqgħu jidhru minn żmien għal żmien f’movimenti reliġjużi u politiċi differenti.
Imma l-istess tħaddim ta’ ħsieb tal-abjad u iswed huwa parti sħiħa miċ-ċiviltà tal-punent. Insibuh imħaddem f’ħafna oqsma tal-ħajja, inkluż il-filosofija, il-politika, ir-reliġjon, il-letteratura, ix-xjenza u kif nirraġunaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Għandna dak li jissejjaħ ħsieb’binarju’: ħsieb assolut tal-abjad u l-iswed, li npoġġu kollox f’żewġ kaxxi mhux biss differenti iżda bil-maqlub ta’ xulxin, fl-aktar punti fit-tarf, estremi, mbiegħda minn xulxin. Qisu żewġ modi biss hemm kif tħares lejn il-ħajja u tinjora għal kollox modi oħra bejniethom.
Sintendi aktar sempliċi tara kollox abjad jew iswed, kollox kesħa jew sħana qawwija, milli tħabbel rasek tikkonfondi bil-varjetà sħiħa tal-kuluri u t-temperaturi differenti fil-ħajja.
Biex negħelbu dan il-mod kif naħsbu l-ewwel irid ikollna l-umiltà li nagħrfu li spiss naħsbu b’mod binarju, ħsieb għażżien u komdu għax drajna bih u ma rridux min iċaqlaqulna.
L-agħar limitazzjoni tal-ħsieb binarju hu li nagħmlu sempliċi ħafna dak li hu kkumplikat minnu nnifsu. Meta naraw biss żewġ estremi, ma nħallux lilna nfusna naħsbu f’xejra sħiħa ta’ possibiltajiet bejn iż-żewġ estremi. Din il-forma ta’ raġunar issaħħaħ ukoll il-preġufizzji fina u lill-oħrajn li ma naqblux magħhom narawhom karikatura ta’ li fil-fatt huma.
Kif negħelbu l-vizzju
Il-ħassieb Żvediż Hans Rosling jgħidilna: “bħala bnedmin għandna tendenza qawwija biex naħsbu b’mod binarju, bżonn kbir li naqsmu l-affarijiet f’żewġ gruppi u fin-nods inħallu biss vojt bejniethom. Nieħdu gost naqsmu d-dinja fi tnejn. Tajjeb kontra l-ħażin. Onest kontra imbroljun. Pajjiżi kontra l-pajjiżi l-oħra. Li naqsmu d-dinja fi tnejn jiġina sempliċi u naturali …. u nagħmlu hekk il-ħin kollu bla ma nirriflettu dwar li qed nagħmlu hekk.”
X’nistgħu nagħmlu biex negħelbu l-vizzju tal-ħsieb binarju:
– Meta nħarsu lejn sitwazzjoni għandna nippruvaw narawha kollha kemm hi, mhux nagħżlu li naraw biss dak li jaqblilna. Mhix l-ewwel darba li s-sema tkun mimlija sħab bi lwien differenti u anki qalb is-sħab iswed ikun hemm irqajja ta’ sema sabiħa blu. Naraw biss il-maltemp, il-bnazzi jew it-taħlita sħiħa?
– Għandna nippruvaw li jkollna moħħna aktar miftuħ. Għandu jkollna l-kuraġġ li ninbidlu u l-mod kif naħsbu. Li nkunu lesti nilqgħu u nikkunsidraw ideat ġodda u modi ġodda kif naħsbu. Il-bidla mhix faċli. Imma possibbli.
– Nippruvaw nibnu l-fehma tagħna fuq fatti veri, anki dawk li ma jogħġbunhiex. Irridu nkunu lesti nibdlu l-fehma tagħna fid-dawl ta’ fatti ġodda u nżommu moħħna miftuħ għal kif tiżviluppa r-realtà kkumplikata ta’ madwarna.
– Tgħinna negħeulbu l-mod dejjaq kif naraw l-affarijiet u niżviluppaw modi ġodda kif inħarsu lejn il-ħajja jekk nitħaltu ma’ persuni b’fehmiet, esperjenzi u ġejjin minn ambjenti soċjali differenti minn.
– Aħna u niffurmaw il-fehmiet tagħna, nistaqsu: Hemm fatti oħra u aspetti oħra li ma tajtx każ?
Dan kollu jgħinna niżviluppaw u nrawmu ħsieb kritiku u miftuħ fina f’dinja li qed dejjem issir iżjed u iżjed ikkumplikata. Il-ħajja hija qawsalla. M’għandniex infaqqruha narawha kulur wieħed biss għax inkunu qed infaqqru lilna nfusna.
Aħna u nippruvaw negħelbu l-iżvantaġġi u n-nuqqasijiet tar-raġunar tal-abjad u l-iswed inkunu qed nitgħallmu nbaħħru aħjar fl-oċejan miftuħ tal-isfidi kumplessi politiċi, soċjali, persunali u nitgħallmu niddeċiedu aħjar kif niffaċċjaw dawn l-isfidi.
Leħen Jannar 2025