You are currently viewing 60 sena mill-Indipendenza: folklor?

60 sena mill-Indipendenza: folklor?

  • Post category:Uncategorized
  • Reading time:9 mins read

Aħna l-iċken pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Iżda fil-baħar Mediterran fejn ninsabu u li fih iżjed minn 3,000 gzira, il-gżejjer tagħna huma l-iżjed avvanzati.

Fid-dinja wkoll ninsabu minn ta’ quddiem. Kull sena n-Nazzjonijiet Magħquda tkejjel l-iżvilupp u l-livell ta’ għixien tal-pajjiżi kollha tad-dinja billi tara kemm jgħixu fit-tul in-nies, il-ħarsien ta’ saħħithom, l-edukazzjoni tagħhom u kemm jgħixu ħajja diċenti.

Minn 193 pajjiz, ahna ninsabu fit-25 post, fl-ewwel grupp tal-pajjiżi avvanzati. Dan ifisser li ma ħallejniex id-daqs jitfagħna jew iżommna lura.

Mindu bdejna nmexxu lilna nfusna, bdejna naraw kif se noħolqu l-ġid u x-xogħol biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jgħixu tajjeb fil-gżejjer fejn twieldu u trabbew.

Għal ħafna sekli meta servejna lill-pajjiżi oħra li ħakmuna biex minn hawn jikkontrollaw din in-naħa tal-Mediterran, ma kinux jiżvluppaw l-ekonomija tagħna biżżejjed biex il-poplu tagħna jgħix diċenti hawn. Nofs il-poplu Malti fis-snin sittin kellu jsiefer lejn pajjiżi oħra biex jibni l-ħajja tiegħu fihom għax il-gżejjer tagħna tħallew fqar wisq u bla xogħol minn dawk li ħakmuna għall-interessi tagħhom. Tant li sal-lum stess iżjed minn tliet kwarti tal-Maltin (76.6%) għandhom qraba jgħixu f’pajjiżi oħra.

Meta konna kolonja ma stajniex nieħdu deċiżjonijiet għall-ġid tagħna. Pajjiżna beda jieħu r-ruħ meta bdejna nmexxu lilna nfusna.

Inmorru lura

Illum qed ngħixu ħafna aħjar u bit-tkabbir u żvilupp ekonomiku, ħafna minna għandhom ħajja tajba għalkemm hawn min ibati wkoll. Għandna wkoll sfidi kbar biex inkomplu ntejbu l-ħajja tal-poplu taghna u jekk ma nindirizzawhomx bil-għaqal, mhux talli nmorru ‘l quddiem iżda nmorru lura.

Il-governanza tajba, il-ħarsien u l-infurzar tal-liġi, l-isfiduċja fil-politiċi minħabba inkompetenza u korruzzjoni jridu jittieħdu passi dwarhom jekk ma rridux lill-pajjiżna jimrad iżjed.

Bħall-bqija tad-dinja rridu nsibu mod gdid kif naqilghu l-għixien taghna f’dinja mibdula mill-pandemija, mill-krizi tal-klima, mill-gwerer fl-Ukrajina u f’Gaża u mit-twelid ta’ dinja fejn il-maġġoranza kbira tal-pajjiżi jridu relazzjonijiet internazzjoni ugwali li jieħdu ħsieb l-interessi tagħhom u mhux ikun kollox iddominat minn grupp żgħir ta’ sinjuri kbar fl-Istati Uniti.

Bħala gżejjer li dak li nagħmlu hawn u s-servizzi li noffru rridu bilfors inbiegħuhom f’pajjizi oħra u dak li nixtru għall-bżonnijiet tagħna bilfors irridu nġibuh minn pajjiżi oħra, dak li jiġri fil-bqija tad-dinja jolqotna ħafna.

Il-flus fl-idejn, mnejn jiġu t-turisti, il-prezz tal-enerġija, l-ispiża tat-trasport bil-baħar u bl-ajru, l-investiment, il-bejgħ, il-prezzijiet tal-ikel u tal-ħwejjeġ …kollha jolqtuna. Aħna żgħar wisq biex ninfluwenzaw dak li jiġri fid-dinja politikament, ekonomikament u militarment. L-aktar li nistgħu nagħmlu hu li naħdmu biex kemm jista’ jkun dak li jigri fid-dinja ma jagħmlilniex ħsara, biex kemm jista’ jkun iservina ta’ ġid.

Dmirna lkoll

Biex nagħmlu hekk irridu nkunu lesti naħdmu għall-ġid tal-poplu tagħna skont l-interessi tagħna waqt li huwa d-dmir tagħna li nħarsu l-liġijiet internazzjonali.

Jekk irridu nittieħdu bis-serjeta` bħala nazzjon fid-dinja tas-seklu 21 irridu nġibu ruħna bħala li kapaċi naqdu d-dmirijiet tagħna fl-ekonomija internazzjonali tal-lum.

Ilkoll kemm aħna. Mhux il-politiċi biss. Anki l-accountants, l-avukati, ir-regolaturi, l-awtoritajiet, il-pulizija, il-prosekuzzjoni, il-maġistrati u l-imħallfin.

Sakemm konna ekonomija magħluqa fina nfusna, il-bqija tad-dinja ma kienetx tagħti każ kemm inħawdu bejnietna fit-tħaddim u l-ksur tal-liġijiet, l-evazjoni bit-taxxi u l-ħasil ta’ flus ġejjin mill-kriminalita’ ekonomika.

Imma minn meta bdejna nieħdu sehem fl-ekonomija internazzjonali l-affarijiet inbidlu. Żgur inbidlu għall-bqija tad-dinja. Jekk ilkoll kemm aħna mhux se ninbidlu u nibdew inġibu ruħna kif meħtieġ fid-dinja tas-seklu 21, il-poplu tagħna se jbati ħafna.

Dak li nagħmlu fiż-żminijiet u fid-dinja tal-lum huwa glokali: globali u lokali.

Għall-ġid tal-poplu tagħna hemm bżonn nifhmu dan bħala poplu kollu, ibda mill-politiċi li jridu jagħtu eżempju tajjeb.

L-imġieba tagħhom, il-kompetenza tagħhom, il-mentalita` tagħhom trid tkun globali, dinjija waqt li l-għeruq tagħhom ikunu fid-distrett li jirrapreżentaw.

Irid ikollhom standards dinjin f’kull qasam tal-ħajja jekk iridu nżommu dak li ksibna u nibnu fuqu għas-snin li ġejjin.

Bis-sehem tagħna fl-ekonomija dinjija, irridu jew ma rridux aħna taħt lenti dinjija. Peress li l-midja tagħna bil-Malti u bl-Ingliż, dak li jirrapurtaw dwarna, aktar jista’ jiġi segwit malajr f’pajjiżi oħra.

U nonqsu ħafna lill-poplu tagħna jekk ma nifhmux dan u nġibu ruħna b’mod li nħassru ġieħ pajjiżna, ir-reputazzjoni tagħna, mad-dinja kollha.

F’dinja diffiċli

La rridu naraw kbir u naħsbu li nistghu nbiddlu d-dinja. Imma lanqas nistgħu nintelqu mal-kurrenti li jagħmlu pajjiżi ohra fl-interess tagħhom. Irridu kemm nistgħu ngħumu u naqdfu għall-ġid tagħna. Il-bqija l-indipendenza li ksibna 60 sena ilu ssir ċerimonjali u folklor politiku.

Mhux faċli nkunu sovrani u indipendenti. Ngħixu f’dinja ta’ pajjiżi kbar li jagħmlu dak li jaqbel lilhom u jkunu jriduna nobduhom kif jaqbel lilhom. Bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli fejn hawn ħafna firda u sfiduċja bejn pajjiż u ieħor u kull pajjiż ikun iridek iżżomm miegħu kontra pajjiż iehor u tidħol fil-blokk tiegħu kontra blokk ieħor. Aħna fl-interess tagħna li ma nagħmlu ħsara lill-ebda pajjiż, ma nintużawx kontra pajjiżi oħra u li nkunu f’relazzjoni tajba mal-pajjiżi kollha tad-dinja.

2500 sena ilu kien hemm gwerra bejn Atene u Sparta.

Ta’ Ateni riedu lin-nies tal-gżira ċkejkna ta’ Melos iżommu magħhom. Ta’ Melos riedu jibqgħu newtrali, ħbieb ma’ kulħadd.

In-nies tal-gzira ta’ Melos riedu jzommu ma’ Melos, maghhom infushom.

Imma ta’ Atene qalulhom jew iżżommu magħna inkella neqirdukom għax f’din id-dinja l-kbar jagħmlu li jridu u ż-żgħar ikollhom isofru dak li jġiegħeluhom jagħmlu l-kbar. Suppost li llum għandna l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Magħquda li l-istati kbar u żgħar huma ugwali imma sal-lum hawn pajjiżi kbar u b’saħħithom li huma bħal ta’ Ateni.

Hija f’din id-dinja diffiċli li rridu nkomplu naħdmu għall-ġid tal-poplu tagħna billi naħdmu biex ikun hawn il-paċi u l-koperazzjoni fost il-ġirien tagħna fil-Mediterran, fl-Ewropa, fl-Afrika u lilhinn minnhom.

Favur dinja li tuża l-ġid u l-għerf tagħha biex in-nies kollha tad-dinja jgħixu diċenti, ħielsa, stmati ta’ bnedmin indaqs u bla jeqirdu lil xulxin.

Ma rridu nweġġgħu lil ħadd imma lanqas ma rridu min iweġġagħna. Għalina t-triq tal-forza ma teżistix. Għalhekk aħna favur il-ħarsien tal-liġijiet internazzjonali, li kull pajjiż jgħix fis-sigurta’ bla jhedded is-sigurta’ tal-ġirien. Favur li t-tilwim insibu tarfu bid-diskussjoni u mhux bil-gwerra.

Nemmnu fil-valuri tan-Nazzjonijiet Magħquda favur il-koperazzjoni u l-paċi, l-ugwaljanza u bejn l-istati u d-dritt għall-istati li jagħżlu t-triq tagħhom u jmexxu għall-ġid tal-poplu tagħhom u jikkoperaw ma’ pajjiżi oħra għal dinja aħjar.

Leħen Settembru 2024