Bi gwerer feroċi għaddejjin f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent, fl-Ukrajina u fis-Sudan u bl-attakki ta’ Iżrael kontra l-Libanu u l-Iran jheddu li jifirxu gwerra akbar fil-Lvant Nofsani u fil-Golf, xi frott se jagħti ‘Il-Ftehim għall-Futur’ milħuq fin-Nazzjonijiet Magħquda fit-22 ta’ Settembru 2024?
Bħalissa fid-dinja hawn iżjed minn 110 kunflitt armat bejn pajjiż u ieħor. Uħud minn dawn il-kunflitti ilhom għaddejjin 50 sena. 87 minn dawn il-kunflitti armati huma f’inħawi ġirien tagħna. Għandna iżjed minn 45 kunflitt armat fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Aktar minn 35 kunflitt armat huma fl-Afrika. Fl-Ewropa għandna 7 kunflitti armati. Fl-Asja hemm 21 kunflitt armat waqt li fl-Amerika Latina nsibu sitt kunflitti armati.
Hawn min iwaħħal fin-Nazzjonijiet Magħquda. Jakkużaha li hi post tat-tpaċpiċ fil-vojt. Li ma twaqqafx gwerer. Ma ġġbx l-iżvilupp u l-ġid u ma ssewwix il-problemi li għandna fid-dinja.
Nies li ma jafux jużaw l-għodda jew ma jridux jużaw l-għodda iwaħħlu fl-għodda għax-xogħol ħażin tagħhom.
In-Nazzjonijiet Magħquda hija għodda għall-paċi, għal kif tħoll it-tilwim bid-diskussjoni flok bil-vjolenza, għal kif iġġib il-pajjiżi jaħdmu flimkien għall-ġid … jekk din l-għodda ma tintużax, mhux tort tal-għodda imma ta’ min suppost iħaddimha kif għandha titħaddem.
Kif qal ix-xahar li għaddha fi New York is-segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres: id-dinja qisha kamra tan-nar ħa tisplodi bil-problemi. Imma għandna l-mezzi biex inwaqqfu din l-isplużjoni qabel ikun tard wisq.
‘Il-Ftehim għall-Futur’
Il-Ftehim għall-Futur’ huwa mibni fuq il-valuri ta’ kif għandhom jaħdmu flimkien għall-paċi u l-ġid il-pajjiżi kollha tad-dinja flok jinfirdu f’allejanzi militari u fi blokok kontra xulxin huma bħal dawk il-valuri li nsibu fil-Kostituzzjoni tagħna:
“Malta hija stat newtrali li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha billi jħaddan politika ta’ non-allineament u jirrofta li jipparteċipa f’kull alleanza militari.
Dan l-istatus jimplika b’mod partikolari, illi:
(a) l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti;
(b) l-ebda faċilitajiet militari f’Malta ma jitħallew jiġu wżati minn xi forzi barranin …”
Bżonnjuża aktar minn qatt qabel
Għalkemm din il-parti fil-Kostituzzjoni daħħalnieha 37 sena ilu bi bqil tal-Parlament kollu, Gvern u Opposizzjoni, mhux talli ma saretx antikwata u m’għadhiex tgħodd, talli f’dinja ta’ gwerer u firdiet, tgħodd iżjed minn qatt qabel jekk irridu li l-bnedmin ma jeqirdux lilhom infushom u minflok jaraw kif jaħdmu flimkien.
Bħala pajjiż newtrali aħna ma nagħtu fastidju lil ħadd u allura ħadd ma jagħtina fastidju. Iżda bħala allejati ta’ pajjiżi oħra fi ġlied ma’ ħaddieħor, l-inkwiet tagħhom isir tagħna wkoll.
Il-Ftehim għall-Futur maqbul f’Settembru min-Nazzjonijiet Magħquda jagħraf li ħafna mill-istituzzjonijiet internazzjonali tal-lum (bħan-Nazzjonijiet Magħquda stess, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u oħrajn) inbnew 80 sena ilu, ma’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.
Kienet dinja differenti fejn ħafna mill-pajjiżi kienu kolonji. L-istituzzjonijiet tal-lum għadhom jirriflettu dik id-dinja u ma jgħoddux għal-lum.
Illum hemm bżonn ta’ istituzzjonijiet internazzjonali ġodda li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-popolazzjoni kollha tad-dinja u mhux tal-ftit b’saħħithom.
Għandna bżonn sistema internazzjonali fejn il-pajjiżi kollha jaħdmu aktar flimkien biex niffaċċjaw l-isfidi li flimkien biss nistgħu nsibu tarfhom flok ninfirdu iżjed u ninqasmu fi blokki kontra xulxin.
Ħames kolonni
Dan ‘Il-Ftehim għall-Futur’ huwa mibni fuq ħames kolonni:
– Żvilupp sostenibbli u flus għall-iżvilupp
– Paċi u sigurta’ internazzjonali
– Xjenza, teknoloġija u innovazzjoni u koperazzjoni diġitali
– iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri u
– il-bidla tal-governanza dinjija
Għandna bżonn ningħaqdu flimkien biex naħdmu għall-ġid u għall-paċi bla ebda pajjiż jiddomina lill-oħrajn.
Id-dinja tinsab f’salib it-toroq. Għamilna avvanzi kbar fit-teknoloġija u fix-xjenza li jistgħu jagħtu futur aħjar ta’ paċi u ġid lin-nies li jgħixu fuq din il-pjaneta. F’din id-dinja tinbidel malajr il-ħin kollu, fejn aktar aħna marbutin ma’ xulxin m’aħniex inlaħħqu mal-opportunitajiet u l-perikli li qed jitfaċċaw.
Fl-istess ħin maqbudin f’ħafna kunflitti u tensjonijiet bejn pajjiż u ieħor, disugwaljanza, sfiduċja u l-ebda progress fuq il-miri għall-iżvilupp sostenibbli u emerġenza fil-klima.
Hemm bżonn inbiddlu r-rotta u naħdmu flimkien għal futur ta’ paċi, ġust, sostenibbli u ta’ ġid għal dawk kollha li jgħixu fuq din il-pjaneta.
Torċa 13 Ottubru 2024